Investiment Ta’ €250,000 Biex Tliet Entitajiet Tal-Knisja Jkomplu Jtejjbu Il-Ħajja Tat-Tfal Li Jgħixu Fid-Djar Tal-Knisja

 Investiment Ta’ €250,000 Biex Tliet Entitajiet Tal-Knisja Jkomplu Jtejjbu Il-Ħajja Tat-Tfal Li Jgħixu Fid-Djar Tal-Knisja

Tliet entitajiet tal-Knisja li jmexxu djar residenzjali għat-tfal se jaħdmu flimkien fuq proġett li se jkompli jtejjeb il-ħajja tat-tfal u l-adolexxenti li jgħixu fid-djar tal-Knisja. Dan il-proġett se jsir b’investiment ta’ €250,000 li 80% minnhom se jkunu kofinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea u l-bqija se jiġu ffinanzjati mill-Knisja. Minn din ir-riċerka se jibbenefikaw mhux biss it-tfal iżda wkoll il-professjonisti li jaħdmu magħhom.

Fil-preżent, f’dawn id-djar tal-Knisja jgħixu 72 tifel u tifla li ġejjin minn ċirkustanzi diffiċli fil-familja, u li ġew fdati lill-Knisja mill-Istat għall-kura u l-ħarsien tagħhom.

Id-dettalji tal-proġett tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret f’Dar Fra Diegu, il-Ħamrun, u li ġiet indirizzata minn Yvonne Mallia, Direttur ta’ Fondazzjoni Sebħ; Mons. Charles Cordina, il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija; u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. Preżenti wkoll Fr Louis Mallia mill-Fondazzjoni Dar San Ġużepp tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, u Clive Bonnici minn St Patrick’s Residential Services mill-Ordni tas-Salesjani ta’ Don Bosco.

Fondazzjoni Sebħ, Fondazzjoni Dar San Ġużepp u St Patrick’s Residential Services, li bejniethom jieħdu ħsieb għaxart idjar residenzjali, fil-ġimgħat li ġejjin se jibdew din ir-riċerka li permezz tagħha ser jitfassal programm ta’ taħriġ li se jiffoka fuq ir-realtajiet u l-isfidi partikolari tat-tfal. Minnu se jibbenefikaw 80 ħaddiem fit-tliet entitajiet.

Barra minn hekk, 30 tifel u tifla u adolexxenti b’etajiet li jvarjaw minn seba’ snin sa 17-il sena, se jingħataw l-għodda u l-ħiliet meħtieġa biex ikunu jistgħu jintegraw aħjar fis-soċjetà u fid-dinja tax-xogħol, u b’hekk ikunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti. Dan se jsir permezz ta’ sessjonijiet terapewtiċi individwali kif ukoll workshops edukattivi. Il-proġett kollu hu mqassam fuq 18-il xahar.

Il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija, Mons. Charles Cordina faħħar l-inizjattiva ta’ dawn it-tliet entitajiet tal-Knisja li qed jaħdmu flimkien biex ikomplu jtejbu l-kwalità tas-servizz li ilhom jagħtu għal ħafna snin. Qal li f’dan il-qasam iċ-ċentru ta’ kollox huma t-tfal għax il-Knisja temmen li ċ-ċentru ta’ kollox hu l-bniedem. Mons. Cordina qal li l-Knisja, bil-ħidma li twettaq fis-soċjetà, tagħti lura d-dinjità lil dawk li huma  żvantaġġjati u tgħinhom jimxu ’l quddiem. Huwa rringrazzja lill-Gvern tas-sehem tiegħu fi proġetti li jsiru bil-għajnuna tal-fondi Ewropej.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif dan il-proġett li qed jiġi kofinanzjat minn fondi Ewropej se jkun qed jara x’inhuma l-ħtiġijiet tat-tfal u ta’ dawk li jieħdu ħsiebhom biex isir aktar taħriġ u b’kemm jiżdiedu l-opportunitajiet sabiex it-tfal ikollhom futur aħjar. Dr Zrinzo Azzopardi saħaq li dan huma investiment importanti hekk kif qed niżguraw li anki t-tfal jingħataw l-opportunitajiet kollha biex jirnexxu fil-ħajja irrispettivament mill-isfond tagħhom.

Yvonne Mallia, id-Direttur ta’ Fondazzjoni Sebħ, qalet li l-fondazzjoni temmen li l-kwalità tas-servizz li l-Knisja toffri fis-soċjetà jiddependi ħafna fuq il-kwalità tax-xogħol li joffru l-professjonisti li għandhom rwol importanti fil-ħajja u t-trobbija tat-tfal. Qalet li t-taħriġ kontinwu huwa importanti wkoll fl-iżvilupp professjonali tal-istess ħaddiema. Is-Sinjura Mallia spjegat li dawn it-tfal ma jgħixux f’istituzzjonijiet imma f’ambjenti li jixbhu kemm jista’ jkun dak ta’ familja. Hija appellat lis-socjetà biex tagħraf l-abbiltajiet u l-potenzjali li għandhom dawn it-tfal li jistħoqqilhom imħabba u futur sabiħ.

Dan il-proġett, li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, se jibbenedika mill-Fond Strutturali Ewropew (2014 – 2020).

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com