“L-Attitudni Tal-Knisja F’Malta Dwar L-Art Li Biegħet Fil-Għargħur Issorprendietni” – Alfred Sant

 “L-Attitudni Tal-Knisja F’Malta Dwar L-Art Li Biegħet Fil-Għargħur Issorprendietni” – Alfred Sant

Wara li qamet diskussjoni u anke saret protesta din il-ġimgħa stess dwar il-każ ta’ applikazzjoni għall-bini ta’ blokka appartamenti b’sitt sulari viċin il-Knisja tal-Għargħur diversi nies qasmu l-opinjonijiet varji tagħhom.

F’messaġġ li kiteb Alfred Sant fuq il-mezzi soċjali tiegħu qal li l-attitudni tal-Knisja f’Malta dwar l-art li biegħet fil-Għargħur issorprendietu.

Huwa qal kif Monsinjur Arċisqof kien għadu kemm tkellem b’ton sever kontra r-regħba li qed twassal biex l-art li baqagħlna tiġi mkerrha b’bini esaġerat.

“Imma mbagħad biex tiddefendi l-bejgħ li għamlet ta’ art “verġni” fil-Għargħur, jekk fhimt tajjeb, il-Knisja qalet li hi ma bnietx fuq l-art u għandhom ikunu l-awtoritajiet ambjentali li jiżguraw li l-użu li jsir minnha jkun xieraq,” qal Alfred Sant fil-messaġġ tiegħu dwar din il-biċċa art fi Triq il-31 ta’ Marzu, fil-Għargħur.

Huwa temm jgħid li “bħallikieku meta l-Knisja biegħet l-art tal-Għargħur, ma kienitx taf x’se jiġri minnha. Każ ieħor dan ta’ kif ir-regħba hi kundannabbli imma mill-għatba ’l-barra ?”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com