Karol Aquilina Liberat Minn Kull Akkuża B’Rabta Mal-Każ Ta’ Sewqan Perikoluż

 Karol Aquilina Liberat Minn Kull Akkuża B’Rabta Mal-Każ Ta’ Sewqan Perikoluż

“B’sodisfazzjon inħabbar li llum il-Qorti lliberatni minn kull akkuża li pprovaw iħammġuni u jkissruni biha.” Hekk għadu kemm kiteb fuq il-mezzi soċjali tiegħu Karol Aquilina fejn u qal li “fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat qal li ‘assolutament ma jirriżultawx l-akkużi’ li għamlu l-Pulizija fil-konfront tiegħi.”

Karol Aquilina qal li matul dawn l-aħħar xhur ħalla l-proċess tal-ġustizzja jsir u jgħaddi fis-silenzju. “Ilum li dan il-proċess intemm, kburi ngħid li l-kampanja moqżieża u mimlija gideb li għamlu Karl Stagno Navarra u l-istazzjonijiet tal-Partit Laburista splodiet f’wiċċhom,” tenna jgħid Aquilina.

Diversi Membri Parlamentari u uffiċjali mill-PN kitbu messaġġi jifirħu lil Aquilina fosthom ukoll il-Kap tal-PN Bernard Grech fejn fi stqarrija qal li l-PN irringrazzja lil Karol Aquilina għal mod serju u eżemplari li mexa bih matul il-perkors li ħadet il-ġustizzja, filwaqt li reġa’ appuntah fil-karigi li kien qed jokkupa qabel feġġew l-akkużi.

Huwa qed jitlob li ssir investigazzjoni biex ikun stabbilit kif filmat intern tal-pulizija ġie mgħoddi lil Karl Stagno Navarra u mmanipulat biex bih iwettaq kampanja ta’ assassinju tal-karattru kontra deputat tal-PN.

F’messaġġ ieħor fuq il-mezzi soċjali mill-Kelliem Ewlieni tal-PN Peter Agius qal li “l-ġustizzja reġgħet rebħet, bħal ma’ rebħet lil Toni Bezzina u bħal ma’ rebħet lill-familja ta’ Giovanna Debono.”

Peter Agius żied jgħid li “l-bużżieqa dejjem tinfaqa’ f’wiċċ dawk li jridu jippuntaw subajhom lejn ħaddieħor biex forsi jtaffu xi ftit mill-ħmieġ li għandhom f’darhom.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com