“L-Istudenti Universitarji Għandhom Bżonn Serħan Il-Moħħ” – Julie Zahra U Rebekah Cilia
“Fadal ftit jiem sakemm jinfetħu il-bibien tal-iskejjel u l-istudenti Universitarji għadhom ma jafux jekk hux ħa jkunu qed jattendu fiżikament, b’mod virtwali jew hybrid.”
Dan kien il-ħsib li tkellmu fuqu ż-żewġ kandidati tal-Partit Nazzjonalista Julie Zahra u Rebekah Cilia permezz ta’ vlogg li għamlu fuq il-mezzi soċjali tagħhom.
Huma staqsew kif l-awtoritajiet għadhom ma ħarġux il-pjanijiet dwar dan meta ninsabu ftit ġranet biss il-bogħod?
Apparti min hekk qalu wkoll li binja kbira mill-Università għadda qed tintuża bħala ċentru tat-tilqim, filwaqt li “f’dan il-post normalment jsiru diversi lectures fih,” saħqu Julie u Rebekah.
Intant Rebekah Cilia qalet ukoll li hija stess bħal issa qed tattendi kors bħala mature student fejn tkellmet ukoll dwar l-esperjenza tagħha.
Hija qalet li “hemm min għandu tfal u familja u mingħajr ma jafu x’ħa jiġri ġimgħa u nofs oħra dawn ma jistgħux jippjanaw ħajjithom.” Rebakah kompliet tgħid li “l-istess għal student Għawdxin li ma jafux jekk għandhomx jikru appartament biex jgħixu fih jew le.”
Julie Zahra u Rebekah Cilia temmew il-vlogg tagħhom billi appellaw lill-awtoritajiet sabiex joħorġu l-protokolli ta’ kif ħa jkunu qed jsiru l-lectures fl-Università sabiex l-istudenti jkollhom aktar serħan il-moħħ.