“Qas Titwemmen Li Wasalna F’Punt Ngħidu Ejjew Insalvaw Il-Ġnien Ta’ Sant’Anton” – Jason Micallef

 “Qas Titwemmen Li Wasalna F’Punt Ngħidu Ejjew Insalvaw Il-Ġnien Ta’ Sant’Anton” – Jason Micallef

“Diffiċli titwemmen, u trid tara biex temmen. L-isbaħ u l-aqwa ġnien pubbliku tax-xorta tiegħu f’pajjiżna jinsab fi kważi stat ta’ abbandun totali. Stat ta’ swied ta’ qalb u ta’ mistħija Nazzjonali.”

Dan huwa dak li kiteb Jason Micallef fuq il-mezzi soċjali tiegħu dwar l-istat ta’ abbandun li jinsab fiha l-Ġnien ta’ Sant’Anton.

Il-Ġnien ta’ Sant’Anton huwa wirt storiku għal pajjiżna u xogħol tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Gwann. Ilu miftuħ għall-pubbliku sa mill-1882, u huwa parti mill-ġonna pubbliċi li jduru madwar il-Palazz tar-residenza uffiċjali tal-President ta’ Malta, “u qed jibki għall-manutenzjoni urġenti qabel jispiċċa fi stat ferm agħar milli jinsab fih illum,” saħaq Jason Micallef, Chairman tal-Valletta Cultural Agency.

Huwa jkompli jgħid fil-messaġġ tiegħu li “l-passaġġi kollha tiegħu, mhux wieħed, imma kollha, diffiċli timxi fuqhom. Perikolużi għal impossibbli biex jimxu fuqhom l-anzjani, tfal, u l-persuni b’diżabilità jew b’siġġu tar-roti. Ħitan imġarraf, bankijiet tal-ġebel mkissrin, funtani storiċi ma jaħdmux, żoni sħaħ kompletament mitluqa, u serer li jmorru lura għal għexieren ta’ snin kompletament żdingata.”

Huwa temm dan il-messaġġ tiegħu li huwa ta’ ħafna wkoll fejn għamel appell sinċier lill-Gvern u l-awtoritajiet responsabbli biex jieħdu azzjoni mill-aktar fis, u jsir pjan serju, u maħsub għar-riabilitazzjoni, u l-manutenzjoni sħiħa ta’ dan l-isbaħ u l-akbar ġnien pubbliku li għandu f’pajjiżna.

Jason Micallef temm jgħid li qas titwemmen li wasalna f’punt ngħidu “ejjew insalvaw il-Ġnien ta’ Sant’Anton.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com