Il-Kap Tal-PN Bernard Grech Jattendi Għas-Summit Tal-PPE Fi Brussell
L-isfidi li bħalissa qed tiffaċċja l-Ewropa kienu s-suġġetti ewlenin diskussi fis-Summit tal-Partit Popolari Ewropew li nżamm matul il-jum fi Brussell u li għalih attenda wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.
Għas-Summit kienu preżenti wkoll diversi mexxejja Ewropej ewlenin oħrajn, fosthom il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, il-President tal-PPE u eks President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, iċ-Chairman tal-Grupp fil-Parlament Ewropew Manfred Weber u l-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel.
Attendew ukoll membri oħrajn fit-tmexxija tal-PPE, kif ukoll il-Kapijiet tal-Gvern tal-Greċja, l-Awstrija, is-Slovakkja, il-Latvja u l-Kroazja.
Fi stqarrija ntqal li fl-ewwel okkażjoni tiegħu li jiltaqa’ personalment ma’ dawn il-mexxejja Ewropej, Bernard Grech seta’ jitkellem aktar mill-qrib magħhom wara r-relazzjoni b’saħħitha li bena matul ix-xhur tal-pandemija.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella lill-mexxejja Ewropej biex jaraw li l-piż tal-immigrazzjoni fil-Mediterran jinqasam aktar fost l-Istati Membri ħalli din l-isfida ma tibqax biss f’ħoġor pajjiżi bħal Malta.
Dwar il-pandemija, hu qal li l-Unjoni Ewropea għandha tibqa’ magħquda biex tara li ċ-ċittadini u n-negozji Ewropej ikunu kapaċi jqumu għall-okkażjoni u tara li ħadd ma jibqa’ lura.
Bernard Grech ingħaqad mal-mexxejja l-oħrajn preżenti fl-appoġġ għall-missjoni li tkun żgurata provvista ta’ enerġija affidabbli fl-Unjoni Ewropea kollha, hekk kif ftit jiem oħra l-Unjoni Ewropea se tkun qed tiddedika ġimgħa favur l-enerġija sostenibbli.
Dan wara li l-Unjoni trid li jinbena suq integrat u kompetittiv tal-enerġija, filwaqt li jkunu appoġġati sorsi ġodda ta’ enerġija rinnovabbli u użu effettiv tal-enerġija, li jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet.
Sadanittant, qabel is-Summit, Bernard Grech kellu laqgħat informali ma’ diversi mexxejja Ewropej, fosthom ma’ Manfred Weber, ma’ Angela Merkel u mal-Kap tal-Gvern Kroat Andrej Plenkovic.
Għal dan is-Summit, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino, mis-Segretarju Internazzjonali Roselyn Borg Knight u mill-Viċi President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.