L-Oppożizzjoni Titlob Li Ssir Laqgħa Urġenti Biex Tiġi Diskussa S-Sitwazzjoni Fil-Qorti Ta’ Għawdex
Il-Partit Nazzjonalista dalgħodu għamel talba biex issir laqgħa urġenti tal-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet ta’ Għawdex sabiex jiddiskuti s-sitwazzjoni gravi li tinsab fiha l-Qorti ta’ Għawdex. It-talba f’isem l-Oppożizzjoni saret mill-Kelliem għal Għawdex Chris Said, il-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina u l-Membri Parlamentari Kevin Cutajar u Joe Ellis.
Fi stqarrija ntqal li permezz ta’ din it-talba li saret liċ-Chairman tal-Kumitat, il-Ministru Anton Refalo, l-Oppożizzjoni qed tiġbed l-attenzjoni fuq il-fatt li minkejja li issa għaddiet aktar minn ġimgħa minn meta l-Avukati kollha li jipprattikaw u jidhru quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex ħadu azzjoni li permezz tagħha mhux qed jattendu għas-seduti li qed jinżammu fil-Qorti ta’ Għawdex, il-Gvern baqa’ ma ħa l-ebda azzjoni biex jindirizza din is-sitwazzjoni.
Fl-istqarrija ffirmata mill-Kelliem għal Għawdex Chris Said flimkien mal-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina saħqu li minkejja dan kollu l-Gvern Laburista, b’mod partikolari l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u l-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, qegħdin jibqgħu ċassi u ma jagħmlu xejn biex il-Qorti ta’ Għawdex tkun tista’ taħdem b’mod effiċjenti u effettiv kif inhu xieraq f’demokrazija b’saħħitha.
Il-PN temm jgħid li din l-attitudni tal-Gvern qed twassal għal inġustizzji kbar ma’ kulmin ikun jeħtieġlu jersaq quddiem il-Qorti ta’ Għawdex għall-ħarsien tad-drittijiet tiegħu u turi n-nuqqas ta’ rispett mill-Gvern lejn il-ħaddiema kollha tal-Qorti, il-professjonisti legali u l-ġudikanti li kollha jaqdu rwol essenzjali fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’Għawdex.