“Matul Is-Sena 2022 In-Nefqa Fuq Benefiċċji Soċjali Se Tqarreb Il-€1.2 Biljun” – Il-Ministru Michael Falzon
“Matul is-sena 2022, in-nefqa fuq benefiċċji soċjali se tqarreb il-€1.2 biljun, illi l-maġġoranza tagħhom se tmur fuq pensjonijiet lil madwar 95,000 pensjonant. Aħna qegħdin hemm għan-nies, għall-potenzjal ta’ kull Malti u Għawdxi. Hekk qed ninvestu fin-nies u mhux naħlu l-flus. Dan b’kuntrast mal-Oppożizzjoni li ssejjaħ dan l-investiment bħala ħela ta flus u teatrin”, saħaq il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet bit-tema marbuta maż-żieda fil-pensjonijiet, li tħabbru fil-Baġit għas-sena d-dieħla.
Il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-Gvern żamm kelmtu mal-pensjonanti kollha, li se jkunu qed igawdu minn żieda ta’ €5 fil-ġimgħa; €3.25 li hija ż-żieda addizzjonali u €1.75 li huma ż-żieda għall-għoli tal-ħajja.
B’hekk kull pensjonant se jgawdi minn żieda ta’ €260 fis-sena. Din iż-żieda lill-pensjonanti kollha tas-sigurtà soċjali qed issir b’investiment ta’ €24 miljun.
Il-Ministru Michael Falzon stqarr li kull pensjonant żdied b’€14.18 fil-ġimgħa, meta wieħed iqabbel is-sena 2022 mas-sena 2018. Il-Ministru qal li mhux talli nżammet l-wegħda tal-Manifest Elettorali, talli din is-somma nqabżet kważi bid-doppju. Meta wieħed jiġbor is-somma li tinkludi ż-żidiet għall-għoli tal-ħajja, din titla’ bi €11.07 oħra għal €25.25.
Kull pensjonant żdied b’minn tal-inqas €737.36 fis-sena f’żidiet diretti fil-pensjoni, meta jikkumpara s-sena 2022 mas-sena 2018. Jekk magħhom jiżdiedu ż-żidiet għall-għoli tal-ħajja (COLA), iż-żieda totali tammonta għal €1,313.
Il-Ministru Falzon qal li dan il-Gvern japprezza x-xogħol kbir li wettqu l-pensjonanti fil-passat u ta’ dan il-Gvern se jibqa’ grat lejhom u se jkompli jirrikonoxxi l-impenn tagħhom fis-soċjetà. Il-Ministru Michael Falzon innota li waqt sena ta’ pandemija, minkejja kollox, kien hemm tnaqqis ta’ persuni 65+ f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali.
l-Ministru Falzon qal li kif għall-ewwel darba 1,200 persuna ser jibdew jieħdu pensjoni. Dan wara li tkomplew jiġu indirizatti sitwazzjonijiet fejn persuni, għalkemm kienu ħallsu 10 snin bolla, ma kellhomx bolol mħallsa biżżejjed sabiex jieħdu l-pensjoni. Din is-sena twettqet ġustizzja ma’ aktar minn 800 persuna, fil-maġġoranza tagħhom nisa, li kkwalifikaw għal pensjoni tal-irtirar imnaqqsa billi ttieħdu inkunsiderazzjoni l-bolol li ħallsu meta kienu fl-impjieg qabel għalqu l-eta ta’ 19-il sena.
Sal-lum għad hemm madwar 1,200 persuna li ħallsu mill-anqas 10 snin bolol imma għadhom mhux intitolati għall-pensjoni għax ma ħallsux bolol minn Jannar 1979 ’il quddiem. Dawn ukoll issa ser jibdew jikkwalifikaw għall-ekwivalenti tal-anqas rata tal-pensjoni taż-żewġ terzi li hi ta’ madwar €50 fil-ġimgħa b’nefqa totali ta’ €3.2 miljun.
Barra minn hekk, persuni li jkunu laħqu l-età ta’ 59 sena, li jkollhom xi kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali neqsin u li jkunu qed jirċievu l-pensjoni tal-invalidità, ser ikunu jistgħu jħallsu sa 5 snin ta’ kontribuzzjonijiet b’lura wkoll.