Melita Tniedi Kampanja Edukattiva Kontra Ċ-Ċiberkriminalità
Melita Limited nediet kampanja edukattiva biex tinforma lill-klijenti dwar kif jibqgħu sikuri waqt li jużaw l-apparat tal-komunikazzjoni tagħhom biex jaċċessaw l-internet. Il-kampanja qed tiffoka fuq erba’ temi ewlenin: ‘malware’, ‘phishing’, ‘trojans’ u ‘cryptojacking’.
Matul diversi ġimgħat, Melita qed tibgħat imejls lill-klijenti kollha tagħha bid-dettalji ta’ x’jinvolvi kull wieħed mir-reati, pariri dwar kif jiġu identifikati t-tipi differenti ta’ ċiberkriminalità, u azzjonijiet li għandhom jittieħdu jekk klijent jaqa’ vittma. L-informazzjoni kollha tinsab ukoll fuq il-blog ta’ Melita fuq https://www.melita.com/category/blog/
Simon Montanaro, Uffiċjal Kap tat-Teknoloġija f’Melita Limited, qal, “Is-sigurtà ċibernetika hi qasam fejn l-isforzi u l-investimenti ta’ Melita żdiedu sostanzjalment fl-aħħar snin. L-enfasi tagħna fuq is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data kompliet tissaħħaħ, partikularment matul il-pandemija, fejn kriminali li joperaw globalment ħadu vantaġġ mis-sitwazzjoni. Filwaqt li f’Melita qed intejbu kontinwament il-protezzjoni tas-servizzi tagħna billi nużaw l-aħħar teknoloġiji, nirrakkomandaw ukoll li l-klijenti jżommu ruħhom aġġornati dwar it-tattiċi użati mill-kriminali ċibernetiċi u l-importanza tas-sigurtà onlajn. Peress li tieħu biss klikkjatura biex tippermetti aċċess għat-tagħmir tiegħek, tkun xi tkun il-protezzjoni fis-seħħ, l-għarfien u l-viġilanza kemm tal-operatur kif ukoll tal-klijent jibqgħu parti neċessarja fil-viġilanza onlajn tagħna.”
Il-klijenti ta’ Melita li għandhom xi mistoqsijiet jew tħassib dwar is-sigurtà onlajn jew rigward iċ-ċiberkriminalità jistgħu jikkuntattjaw lil Melita permezz ta’ ‘live chat platform’ disponibbli fuq melita.com. Kull min jemmen li huwa vittma taċ-ċiberkriminalità jista’ wkoll jikkuntattja lis-Cybercrime Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.