Mħabbra Tliet Inizjattivi Prinċipali Għas-Settur Tal-Anzjani

 Mħabbra Tliet Inizjattivi Prinċipali Għas-Settur Tal-Anzjani

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għall-Anzjani, li huwa mfakkar madwar id-dinja fl-ewwel ta’ Ottubru, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar tliet inizjattivi – it-tnedija tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-Politika Strateġika Nazzjonali għas-seba’ snin li ġejjin, il-Premju Anzjanità 2021, kif ukoll diversi attivitajiet li se jkunu organizzati b’rabta mat-tema ta’ din il-ġurnata – l-aċċess diġitali għal kull età.

Waqt li fakkar fl-istatistika ppubblikata reċentement, li turi li naqas in-numru ta’ anzjani f’riskju ta’ faqar b’1.4% u dawk f’riskju ta’ faqar u deprivazzjoni materjali u soċjali bi 2.2%, il-Ministru Michael Farrugia qal li dan kien possibbli permezz ta’ diversi inizjattivi soċjali u fiskali li ħa l-gvern.

Dwar l-ewwel inizjattiva, il-Ministru Michael Farrugia ħabbar li fetħet konsultazzjoni pubblika dwar il-Politika Strateġika Nazzjonali, fejn is-suġġerimenti se jkunu milqugħa sal-aħħar ta’ Ottubru. Huwa spjega li, permezz ta’ din l-istrateġija, se jiġu introdotti miżuri innovattivi biex tkun indirizzata l-anzjanità attiva b’mod ħolistiku. “Qed naħdmu biex inkomplu nipprevjenu d-diskriminazzjoni tal-età, l-abbuż fuq l-anzjani, l-esklużjoni soċjali, is-solitudni, kif ukoll inkunu katalisti għall-kura eċċezzjonali kemm fil-komunità u fid-djar tal anzjani,” qal il-Ministru.

Huwa qal li matul din is-sena mhux biss komplew jitwessgħu s-servizzi offruti fil-komunità, iżda wkoll kompliet tiżdied l-aċċessibbiltà ta’ sodod fid-djar tal-anzjani, kif ukoll sar titjib infrastrutturali fid-djar residenzjali tal-gvern. “Fil-qasam tas-saħħa, matul din is-sena rajna li mhux biss l-anzjani jkollhom aċċess aħjar tas-servizzi ta’ flebotomija, servizzi ta’ psikoloġisti u professjonisti oħra, iżda wkoll  ftaħna dipartiment ta’ radjoloġija f’San Vinċenz de Paul, li se jkompli jaqdi l-bżonnijiet tal-anzjani fl-istess residenzi, anke għal anzjani fil-komunità,” żied jgħid.

Il-Ministru Michael Farrugia tkellem ukoll dwar il-Premju Anzjanità Attiva, li huwa ċelebrazzjoni ta’ xogħol, impenn u dedikazzjoni fis-settur tal-anzjanità attiva. Dan huwa avveniment annwali li se jkun parti miċ-ċelebrazzjonijiet li jseħħu fix-xahar ta’ Ottubru, li huwa ddedikat għall-anzjani. Se jkun hemm ħames premjijiet: Premju Anzjanità Attiva, Premju Kulturali tas-Sena, Premju Akkademiku tas-Sena, Premju Sportiv tas-Sena u Premju Solidarjetà Interġenerazzjonali.

Il-Ministru Farrugia fakkar fid-diversi inizjattivi fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika, fosthom servizz ta’ wifi f’kull parti ta’ djar tal-anzjani tal-gvern u taħriġ tal-anzjani dwar l-użu tal-internet. Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum l-Anzjan, se jiġu organizzati sensiela ta’ workshops bil-ħsieb li anzjani jużaw iktar it-teknoloġija fuq bażi regolari waqt l-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum.

Ritratti: DOI 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com