“Straħ U Ħalla Warajh Ħafna Mħabba…” – Bosta Jsellmu Lil Joseph Debono
Hekk kif ftit tal-minuti ilu tħabbret il-mewt ta’ Joe Debono li ħasdet lil bosta diversi messaġġi fuq il-mezzi soċjali bdew telgħin.
Propju din l-aħbar ta’ swied il-qalb ħabbara ħuh stess Louis Debono fuq il-mezzi soċjali tiegħu fejn qal li “Joe straħ u ħalla warajh ħafna mħabba u ġid u tbissim għalkemm dalgħodu mhux faċli…”
Joe Debono miet fl-età ta’ 63 sena wara li kien ilu xhur jiġġieled il-marda tal-ALS mill-2019.
“llum ħallejtna….issa strieħ” hekk kitbet mart Joe, Tanya f’dan il-mument diffiċli fejn f’messaġġ sabiħ qalet li Joe baqa’ jiġġieled sa l-aħħar għal ħajja li tant ħabb.
Tanya kitbet, “Għallimtna l-kuraġġ bir-rieda li bqajt għaddej tagħmel kollox, minkejja d-diffikultajiet kollha li kellek. Grazzi tal-familja li għamilna flimkien, u li ma ħallejtna neqsin minn xejn,” temmet tgħid mart Joe Debono.
Joe Debono jibqa’ assoċjat mal-Programm Xarabank bil-karattru tas-Sur Bondin li beda fis-snin disgħin, fejn min jaf kemm daħakna biċ-ċajt tiegħu f’nofs argumenti li kultant kieku jkunu jaħarqu.
Qabel Xarabank, Joe kien jieħu sehem ukoll fil-programm popolari tas-snin disgħin, Aħn’aħna jew maħniex.
Huwa twieled fil-25 ta’ Mejju tal-1958, fejn trabba u qatta tfulitu fil-Belt Valletta.
Joe Debono apparti li għamel żmien twil jaħdem fil-midja kien kittieb ukoll. Propju ftit tal-jiem ilu l-President ta’ Malta ppremja lil Joe bil-premju Nazzareno Vassallo għax-xogħol fil-letteratura li wettaq mal-anzjani matul il-pandemija.
Il-President ta’ Malta George Vella f’messaġġ ukoll sellem il-memorja ta’ Joe Debono u rringrazzjah ta’ kemm il tbissima poġġa fuq l-uċuħ tal-Maltin u l-Għawdxin tul is-snin.
Bla dubju persuna li kienet viċin ħafna ta’ Joe Debono kien Peppi Azzopardi li ħadmu flimkien għal ħafna snin. Peppi fuq il-mezzi soċjali tiegħu tella filmat li mill-aħħar maratona li saret biex tinbena d-dar il-ġdida ta’ Bjorn għal-persuni li jbatu mill-marda tal-ALS.
Peppi sellem lil Joe u rrefera għalih bħala Ħuh.
Bla dubju persuna li kienet viċin ta’ Joe tul dawn l-aħħar xhur ta’ ħajtu kien Bjorn Formosa fejn f’messaġġ rringrazzja lil Joe ta’ kemm tagħlem minn għandu.
“L-ALS marda kiefra li ma t’iffranka lil ħadd. Xtaqna ħafna li Joe ikun resident fid-DAR il-ġdida imma sfortunatament ma laħaqx,” tenna Bjorn filwaqt li ħeġġeġ lin-nies biex jkomplu jgħinu sabiex tinfetaħ it-tieni dar.
Ara l-filmat:
Tislima lil Joe Debono f’isem it-tim ta’ StradaRjali.com