“Attivitajiet Reliġjużi Jistgħu Jsiru Bħalma Setgħet Issir Il-Fun Run Bil-Protokolli Stabbiliti” – Id-DPM Chris Fearne
F’konferenza aktar kmieni llum id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li attivitajiet reliġjużi jistgħu jsiru bħalma setgħet issir l-attività tal-Fun Run il-Ħadd li għadda bil-protokolli stabbiliti.
Huwa qal dan waqt li kien qed iwieġeb mistoqsijiet mill-ġurnalisti fejn tenna li mhi qed issir l-ebda diskriminazzjoni bejn attività’ jew oħra.
Il-Ministru Chris Fearne qal li l-istess protokoll li kien disponibbli għall-Fun Run, jista’ jiġi applikat għal attivitajiet oħrajn.
Huwa qal li kulħadd għandu japplika qabel jorganizza xi attività. Chris Fearne temm jgħid li kull attività inkluż dawk reliġjużi li ma jsibu ebda oġġezzjoni mill-awtoritajiet tal-Kurja, jistgħu japplikaw biex jsiru wkoll, dejjem bil-ħarsien tal-protokolli fis-seħħ.
Il-protokolli jgħidu li attività bil-wieqfa tista’ issir għal dawk il-persuni li ħadu l-vaċċin biss u jridu jkunu fi gruppi ta’ mhux aktar minn 100 persuna f’kull bubble. Dawn iridu jkollhom dħul u ħruġ separat kif ukoll l-attività trid tkun magħluqa għal dawk li qed jattendu biss.
Ritratt: Edward Azzopardi