Il-Banda Kristu Re Tirritorna B’Kunċert Kbir Għal Żmien Il-Milied Fil-Pjazza Ta’ Raħal Ġdid

 Il-Banda Kristu Re Tirritorna B’Kunċert Kbir Għal Żmien Il-Milied Fil-Pjazza Ta’ Raħal Ġdid

“Wara xhur sħaħ bil-każin magħluq u xhur sħaħ ta’ miżuri restrittivi minħabba l-pandemija, fl-aħħar bdejna naraw xaqq ta’ tama, bil-miżuri jiġu rilassati. Matul dan iż-żmien, is-Soċjetà u il-kummissjonijiet fi ħdanha ma waqfux – il-magna zammejniha taħdem, lesta biex ma l-ewwel xaqq ta dawl, tkun lesta biex titlaq!”

Hekk qalulna l-membri fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika GM Fra. Antoine De Paule – Banda Kristu Re AD 1898 fejn din is-soċjetà se tkun qed ittella’ kunċert kbir bl-isem ta’ DePaule in Concert – Christmas Edition bis-sehem tal-Banda Kristu Re flimkien mal-kantanti Justine Shorfid, Francesco B, Adam, Rochelle, Ivan Vella, Analise Sciriha, Kristy Spiteri, Gabrielle Farrugia u Mardy Portelli. Il-banda se tkun taħt id-direzzjoni ta’ Maestro David J. Sammut.

L-aħħar De Paule in Concert li kien sar, kien il-Kunċert Grandjuż fl-10 ta’ Novembru 2019. Dak inhar kienet l-aħħar darba li daqqet il-Banda Kristu Re! Għalhekk ħassejna li nerġgħu nitilqu minn fejn ħallejna u ntellgħu kunċert ieħor b’tema natalizja.

Waqt il-kunċert ta’ din is-sena se jindaqqu numru ta’ kanzunetti tal-Milied b’arranġamenti għall-banda u b’akkompanjament vokali. L-għan tal-kunċert mhux biss li terġa’ tiġi varata l-Banda, iżda li jitqajjem spritu ferrieħi għall-Milied wara xhur sħaħ ta’ biża’ u restrizzjonijiet. Se jkun kunċert divertenti u s’intendi is-sorpriżi ma jonqsux.

Il-kunċert se jsir nhar it-Tnejn 13 ta’ Diċembru fis-7.30pm fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid quddiem il-Bażilka. Id-dħul huwa b’xejn u n-numru ta’ postijiet huwa limitat.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com