Il-Gvern Ser Jippremja L-Ħidma Fil-Qasam Tad-Diżabilità U L-Inklużjoni
Għal darb’oħra, il-gvern se jkun qiegħed jippremja l-ħidma, l-impenn u d-dedikazzjoni li wrew nies jew azjendi partikolari fis-settur tad-diżabilità permezz tal-Premju Soċjetà Ġusta.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli nediet il-ftuħ għan-nominazzjonijiet għal dan il-premju li se jkun qiegħed jingħata bħala l-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet waqt il-ġimgħa ddedikata għad-diżabilità.
B’kollox se jkunu qegħdin jingħataw ħames premjijiet. Dawn jinkludu l-premju għal kisba tul il-ħajja fis-settur tad-diżabilità; premju għal ħidma fit-tisħiħ tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità; Premju Soċjetà Ġusta; premju parteċipazzjoni attiva fl-isport, arti u kultura; u premju għall-iktar post tax-xogħol li jopera b’mod inklussiv.
Waqt it-tnedija tal-ftuħ tan-nominazzjonijiet, il-Ministru Farrugia Portelli spjegat kif permezz ta’ dan il-premju l-Gvern irid jirrikonoxxi lil dawk il-persuni li bil-kwalitajiet tagħhom irnexxielhom jagħmlu differenza kbira u pożittiva fil-ħajjiet tal-persuni b’diżabilità.
Il-Ministru spjegat li l-Gvern irid jesprimi apprezzament lil kull min jaħdem għal soċjetà iżjed inklussiva, fejn persuni b’diżabilità u dawk qrib tagħhom, bħall-familjari u assistenti tagħhom, ikunu jistgħu jesperjenzaw atteġġjamenti aktar miftuħa, aċċessibilità u kundizzjonijiet li jinkoraġġixxu għajxien indipendenti u fil-komunità.
Hija qalet li l-prinċipju li se jiggwida l-għażliet għal dan il-premju se jkun dak li jkollna soċjetà aktar ġusta, fejn il-persuni b’diżabilità jieħdu sehem attiv fil-komunità. Saħqet li bħala soċjetà aħna fid-dmir li nkissru l-isterjotipi.
Farrugia Portelli qalet li rridu nippremjaw u nroddu ħajr lil dawk li b’għemilhom jimbottaw lill-persuni b’diżabilità biex jinstinkaw ħalli f’ħajjithom joħorġu l-abbiltajiet li għandhom u anke jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.
Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat li dan il-premju għaqqad ukoll mal-valuri li tnedew fl-Istrateġija Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Persuni b’diżabilità iktar kmieni din is-sena. Spjegat kif b’mod speċjali dan il-premju jagħti r-rikonoxximent lill-individwi b’diżabilità u organizzazzjonijiet volontarji li matul is-sena jaħdmu bla heda u jniedu diversi inizjattivi relatati ma’ dan is-settur sabiex tiżdied l-aċċessibilità u l-inklużjoni.
Il-Bord ta’ Evalwazzjoni għall-Premju Soċjetà Ġusta 2021 se jkun qed jilqa’ n-nominazzjonijiet għal dan il-premju. Il-formola ta’ applikazzjoni trid tittieħed jew tintbagħat l-uffiċini tal-Ministeru għall-Inklużjoni u Kwalità tal-Ħajja, 89, Palazzo Francesco, Triq Sir Ugo Mifsud, Lija, jew inkella tintbagħat online fuq is-sit www.inkluzjoni.gov.mt. Il-formola tinkiseb mill-istess uffiċini, kif ukoll mis-sit online.
L-applikazzjonijiet jagħlqu nhar it-Tlieta, 30 ta’ Novembru 2021 f’nofsinhar. Applikazzjonijiet li jaslu wara d-data tal-għeluq ma jiġux kkunsidrati.
Ritratt: DOI / Kevin Abela