Il-PL Jkompli Jaħdem Biex Aktar Nisa Ikunu Parti Mill-Ħidma Tal-Partit – 22 Mara Oħra Fil-Programm LEAD

 Il-PL Jkompli Jaħdem Biex Aktar Nisa Ikunu Parti Mill-Ħidma Tal-Partit – 22 Mara Oħra Fil-Programm LEAD

Il-programm LEAD tal-Partit Laburista kompla jissaħħaħ bi 22 mara oħra jingħaqdu f’dan il-programm, li għandu l-għan li jkompli jżid is-sehem tal-mara fil-politika.

F’konferenza tal-aħbarijiet bil-parteċipanti l-ġodda fl-isfond, il-ko-ordinatriċi tal-programm, Miriam Dalli, flimkien mal-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard u s-Segretarja tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Catherine Fenech spjegaw kif LEAD huwa xhieda ta’ fejn irridu naslu fejn tidħol il-preżenza tan-nisa u tfajliet fil-ħidma politika u kif l-ambizzjoni tal-Partit Laburista tibqa’ dik li ssir bidla kulturali u politika fl-inqas żmien possibbli.

Il-ko-ordinatriċi tal-programm Miriam Dalli qalet kif din kienet il-ħames sejħa tal-programm LEAD, sejħa li għaliha pparteċipaw u kkonkorrew numru sabiħ ta’ tfajliet.

“Bis-sehem ta’ dawn il-parteċipanti, konvinta li mhux biss se jgawdi l-Partit Laburista iżda wkoll il-pajjiż. Nemmnu bis-sħiħ fil-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika u nemmnu li f’dan il-pajjiż fis-sena 2022 irridu nagħtu spinta ‘l quddiem biex verament ikollna parteċipazzjoni ugwali ta’ nisa u rġiel fil-politika nazzjonali, lokali u Ewropea.”

Il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard sostniet li x-xogħol tal-Partit Laburista f’dan ir-rigward ilu għaddej għal numru ta’ snin u issa rridu naraw li jkollna r-riżultat ta’ dik il-ħidma li ilha għaddejja.

“Aħna ma narawx LEAD bħala programm ta’ taħriġ. LEAD huwa opportunita’. Opportunita’ għal ħafna nisa u tfajliet li aħna konna konvinti li qegħdin hemm barra u li l-politika verament tinteressahom. Il-Partit Laburista l-bibien tiegħu miftuħin għal dawk kollha li jixtiequ bi kwalunkwe mod ikunu involuti – jekk iridux ikunu kandidati, jekk iridux jaħdmu fl-istrutturi tal-Partit Laburista jew iridu jagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies ta’ madwarhom.”

Is-Segretarja tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Catherine Fenech semmiet kif din hija r-rivoluzzjoni li qed nagħmlu u vjaġġ li rridu nagħmlu biex naraw aktar tfajliet fil-politika.

“Il-Partit Laburista huwa partit li joffri l-opportunitajiet. Aħna m’aħniex lesti li ningħalqu fina nfusna, aħna nħarsu ‘l quddiem li jkollna aktar nisa u rġiel li jersqu ‘l quddiem, joffru l-vuċi tagħhom, jagħtu l-opinjoni tagħhom, għaliex huwa b’dak il-mod li jkollna l-politika ħajja li tirrapreżenta l-poplu Malti u Għawdxi.”

Dan kien is-sitt grupp tal-programm LEAD fejn fl-intervisti li saru, ħareġ biċ-ċar kemm dawn in-nisa għandhom ideat u sehem x’joffru lis-soċjeta’ hekk kif bħala parti mill-applikazzjoni jkunu mitluba jippreżentaw numru ta’ inizjattivi u minn hawn ħareġ kemm għandhom kontribut x’jagħtu lid-dinja politika.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com