Il-PN B’7 Proposti Biex Ittejjeb Il-Kundizzjonijiet Tal-Impjegati Tas-Settur Pubbliku
Il-Partit Nazzjonalista illum nieda sensiela ta’ proposti maħsuba sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema fis-settur pubbliku, filwaqt li jassigura li dawn iwasslu sabiex ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan billi fost l-oħrajn, ikollhom l-opportunitá sabiex jikbru fil-karriera tagħhom u jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.
Għal dan il-għan, f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata llum mid-Deputati Karl Gouder u Joe Ellis u l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Ivan Castillo, il-Partit Nazzjonalista wiegħed li bħala Gvern ġdid alternattiv, sejjer jassigura li l-kundizzjonijiet tal-impjegati fis-settur pubbliku, filwaqt li jiġu s-salvagwardati, jiġu mtejjba kull fejn possibbli, filwaqt li jiġi żgurat servizz ta’ kwalità għaċ-ċittadini kollha.
Il-PN qed jipproponi reviżjoni fl-iskali tas-salarji tal-gvern biex jirriflettu s-suq ħalli jkunu attirati l-aħjar nies lejn is-servizz pubbliku, kif ukoll il-ħaddiema jkunu inċentivati għal iktar effiċjenza f’xogħolhom u dawk li jaħdmu ħafna jkunu kumpensati b’mod xieraq, fosthom permezz ta’ performance bonus.
Proposta oħra hija li tkun rikonoxxuta l-esperjenza u l-ħaddiema jiġu motivati biex jinvestu aktar fil-karriera tagħhom
Il-PN qed jipproponi sistema trasparenti li tiffaċilita trasferimenti tal-ħaddiema fejn fuq talba tal-ħaddiem stess isir dan it-trasferiment li jiġi pproċessat fi żmien iqsar. Ukoll, dawk il-ħaddiema li sofrew transfers inġusti, kontra x-xewqa tagħha, ser ikunu jistgħu jappellaw minn dan, u jerġgħu jintbagħtu lura.
Proposta oħra hija li jkunu msaħħa l-miżuri li huma favur il-familja għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja, li jinkludu fost l-oħrajn it-tisħiħ tat-teleworking u r-remote working. Il-PN qed jgħid ukoll li għandu jkun hemm promozzjoni għall-eżerċizzju fiżiku filwaqt li tiġi mħarsa s-saħħa mentali tal-impjegati.
L-aħħar proposta hija li tkun iffaċilitata aktar il-flessibiltá f’każijiet ta’ ċertu mertu. Dan jinkludi li tiżdied il-capping preżenti ta’ 16-il siegħa għal sitwazzjonijiet familjari urġenti.
Il-Kelliem tal-PN temmew jgħidu li dawn il-proposti juru ċar kemm Gvern ġdid Nazzjonalista hu kommess li fl-ewwel ftit xhur tiegħu, jimplimenta bidla għall-impjegati fis-Settur Pubbliku billi jiggarantixxu stabbiltà u kwalità ta’ xogħol aħjar.