Il-PN Qed Jgħid Li L-Gvern Waqaf Jagħti Sapport Finanzjarju Għall-Mediċini Kontra L-Kanċer Tas-Sider

 Il-PN Qed Jgħid Li L-Gvern Waqaf Jagħti Sapport Finanzjarju Għall-Mediċini Kontra L-Kanċer Tas-Sider

“Rapporti fil-media llum indikaw li NGOs qed jappellaw għall-għajnuna wara li l-Gvern waqaf jagħti sapport finanzjarju biex tinxtara mediċina kruċjali fil-ġlieda kontra l-kanċer tas-sider u għalhekk pazjenti qed ikollhom iħallsu l-eluf jew inkella ma jieħdux it-trattament għaliex ma jaffordjawhx.”

Dan ntqal mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għas-Saħħa Stephen Spiteri, fejn fi stqarrija qal li l-PN qed jinnota b’dispjaċir dan l-iżvilupp, filwaqt li mhux ġust għal dawn il-pazjenti u l-familjari tagħhom.

“Trattament f’dawn iċ-ċirkostanzi ta’ mard għandu jkun tal-aqwa kwalità u li joffri l-aħjar kura,” saħaq Spiteri.

Huwa kompla jgħid li l-PN diġà ppropona trattament għall-pazjenti kollha bil-kanċer bla ħlas u mingħajr il-pazjenti ma jkunu tallaba għaliex jemmen li kull pazjent għandha tingħatalu l-aħjar forma ta’ kura.

Il-Kelliem għas-Saħħa qal li aktar kmieni din is-sena l-PN wiegħed li għandu jiġi allokat il-finanzjament neċessarju biex tiġi offruta l-kura mingħajr ħlas permezz ta’ mediċini first-line kif ukoll second-line li jkunu approvati mill-Aġenzija tal-Mediċini Ewropea.

Propona wkoll li l-formolarju għandu jiġi aġġornat biex joffri l-aktar mediċini ġodda mingħajr il-bżonn li l-pazjenti jiddependu fuq entitajiet oħra u li jiżgura li l-gvern iqassam il-fondi pubbliċi aħjar.

Il-PN qal ukoll li għandu jitwaqqaf Drug Fund li jkopri indikazzjonijiet speċifiċi biex pazjenti li jkunu eliġibbli jsibu l-għajnuna b’mod awtomatiku mingħajr il-bżonn ta’ proċessi burokratiċi. Kif ukoll li jitwessa’ l-aċċess għal supportive medicines biex itaffu l-effetti kollaterali tal-medikazzjoni.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com