“It-Tisqif Tal-Mini Ta’ Santa Venera Tibqa’ Wegħda Fuq L-Ixkaffa Għall-Gvern Laburista” – Il-PN

 “It-Tisqif Tal-Mini Ta’ Santa Venera Tibqa’ Wegħda Fuq L-Ixkaffa Għall-Gvern Laburista” – Il-PN

“Tibqgħux tilgħabu bl-emozzjonijiet tar-residenti ta’ Santa Venera. Wegħduhom li ser issaqfu l-mini ta’ Santa Venera lejliet kull elezzjoni biex jakkwistaw il-voti, iżda sena wara sena  jibqgħu ma jagħmlu xejn biex iwettqu dan il-proġett. Ir-residenti ta’ Santa Venera mhumiex tat-tieni klassi, jistħoqqilhom ferm aħjar.” Dan kien l-appell tal-Kelliem ewlieni tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius u l-Kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali u Minority Leader fil-Kunsill Lokali Santa Venera Darren Carabott direttament minn fejn il-mini ta’ Santa Venera.

Il-kelliema qalu li minħabba ż-żieda kbira fit-traffiku, u konsegwentement għall-fatt li jgħaddu eluf ta’ karozzi ta’ kuljum minn Triq Reġjonali f’Santa Venera, il-familja li jgħixu fuq dawn il-mini qegħdin isofru minn storbju eċċessiv u kif ukoll iħossu l-effetti tat-tniġġis tal-arja.

“Għalkemm il-wegħda li jissaqfu l-mini ta’ Santa Venera ila tissemma’ għal snin twal, lejliet l-aħħar elezzjoni ġenerali tal-2017 il-Partit Laburista kien wegħda fil-manifest tiegħu fejn semma’ li se jsir studju dwar il-possibbiltà ta’ dan it-tisqif tal-mini. Sentejn wara, u ċioe fl-2019 lejliet l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, il-Partit Laburista reġa’ ntrabat li jsaqqaf il-mini f’erba’ snin u saħansitra qal li kien alloka l-fondi fil-baġit ta’ dik is-sena stess,” saħqu il-Kelliema tal-PN.

Huma komplew jsostnu li sal-lum, il-Gvern Laburista għadu lanqas biss issottometta l-pjanti għat-tisqif mal-Awtorità tal-Ippjanar u għadu lanqas lesta l-istudji neċessarji, “aħseb u ara kemm se jsir it-tisqif tal-mini fi żmien imwiegħed.”

Peter Agius saħaq li l-Ministru preżenti tal-Ambjent Aaron Farrugia u l-eks Ministru tal-Ambjent Jose Herrera, it-tnejn deputati eletti mid-distrett li Santa Venera tifforma parti minnu, ukoll inqabdu jbiddlu l-verżjoni ta’ xulxin hekk kif fl-2019 il-Ministru Herrera kien qal li l-fondi għat-tisqif kienu ġew allokati mill-Baġit tal-Gvern tal-2019, filwaqt li ftit jiem ilu l-Ministru Aaron Farrugia qal li qed jesploraw il-possibilità ta’ partnership bejn il-Gvern u l-privat għall-ispiża.

“Din hija kontradizzjoni ċara bejn iż-żewġ deputati Laburisti li turi li l-Partit Laburista iwiegħed mingħajr il-ħsieb li jwettaq,” qal il-Kelliem Peter Agius.

Darren Carabott insista li l-PN qed jappella lill-Gvern biex jieqaf juża dan is-suġġett dwar is-saħħa tar-residenti ta’ Santa Venera għal skop politiku tiegħu u jħares l-interessi għall-ġid komuni tar-residenti ta’ Santa Venera.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com