Jinfetaħ Ċentru Terapewtiku Ġdid Għall-Adolexxenti Li Jabbużaw Mid-Droga

 Jinfetaħ Ċentru Terapewtiku Ġdid Għall-Adolexxenti Li Jabbużaw Mid-Droga

Iċ-Ċentru Terapewtiku Tal-Ibwar huwa l-ewwel ċentru tax-xorta tiegħu bi programmi għal żgħażagħ bejn it-tnax u s-sbatax-il sena

It-Tlieta filgħodu ġie inawgurat l-ewwel ċentru terapewtiku f’pajjiżna għall-adolexxenti bejn it-tnax u s-sbatax-il sena li jabbużaw mid-droga. Iċ-Ċentru Tal-Ibwar, li se jkun qed jitmexxa minn Caritas Malta, ġie inawgurat mill-Prim Ministru Robert Abela u mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, filwaqt li tbierek mill-Arċisqof Charles J. Scicluna.

Iċ-ċentru, b’investiment ta’ erba’ miljun ewro, se jkun qed joffri programmi residenzjali u oħrajn ta’ matul il-jum għal aktar minn għoxrin żagħżugħ u żagħżugħa. Se jkunu qed jingħataw servizzi psikosoċjali mhux biss lir-residenti imma lill-familji tagħhom. B’hekk, l-għajnuna li se tkun qed tingħata se tkun waħda ħolistika, offruta f’residenza mdawra b’art agrikola u spazji miftuħa.

Iċ-ċentru huwa mgħammar b’faċilitajiet moderni, speċjalment dawk sportivi, akkademiċi u ta’ snajja’, iddisinjat biex joffri l-aqwa u l-aħjar fir-riabilitazzjoni taż-żgħażagħ.

Matul l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela fisser dan il-proġett bħala l-punt tat-tluq għaż-żgħażagħ kollha li jsegwu programm f’dan iċ-ċentru, bil-punt tal-wasla jkun kull meta żagħżugħ jew żagħżugħa jtemmu b’suċċess wieħed mill-programmi u joħorġu bħala persuni riformati lesti li jwettqu l-ħolm tagħhom.

Spjega kemm huwa importanti li l-bniedem ma jiġix iġġudikat u stmat ta’ kriminal meta jinqabad fil-vizzju tad-droga, imma jsib il-kenn f’dar li toffrilu l-għajnuna u l-wens li jkollu bżonn biex jerġa’ jaqbad it-triq it-tajba.

“L-early intervention se tkun iċ-ċavetta għas-suċċess ta’ dan il-proġett fejn, permezz ta’ tim ta’ professjonisti, iż-żgħażagħ li jirrikorru għall-għajnuna, se jsibu l-bibien miftuħa beraħ biex jgħinuhom,” saħaq il-Prim Ministru Robert Abela.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon spjega kif l-għan ewlieni wara dan il-proġett huwa li jerġa’ jibni mill-ġdid lil dawn l-adolexxenti, li jkunu għaddejja minn moral baxx konsegwenza tal-vizzju li jkunu spiċċaw fih.

“Aħna qegħdin hawn biex nibagħtu messaġġ li kulħadd jixraqlu ċ-ċans jirriforma ruħu, kulħadd jixraqlu t-tieni ċans jerġa’ jesperjenza mħabba ta’ familja u relazzjonijiet pożittivi ma’ persuni oħra. Irridu ngħinu lil dawn iż-żgħażagħ jesperjenzaw dak li ngħidulu ‘natural high’, fejn iħossu ferħ u sodisfazzjon mingħajr l-użu tad-droga,” qal il-Ministru Falzon.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, l-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna qal li, “Nirringrazzja lill-istat, li meta ra l-bżonn li ż-żgħażagħ ikollhom faċilità biex jerġgħu jqumu fuq saqajhom, iddeċieda li jinvesti u jinvesti bil-kbir.”

Anke d-Direttur tal-Caritas Anthony Grech qasam il-ħsibijiet tiegħu dwar dan iċ-ċentru. Qal li dan huwa mument storiku, fejn vjaġġ ta’ elf mil jibda hawnhekk bl-ewwel pass. Fl-esperjenza tiegħu f’dan il-qasam, is-Sur Gatt qal li tlaqna minn sitwazzjoni fejn bdejna naraw lil dawn iż-żgħażagħ jitħalltu ma’ persuni ta’ età ikbar, u ħafna drabi ma jkomplux il-programm ta’ riabilitazzjoni u jispiċċaw bi problemi kriminali.

Bħalissa, għoxrin żagħżugħ u żagħżugħa qegħdin isegwu dan il-programm, fejn sitta minnhom qed jieħdu programm residenzjali. L-età medja ta’ dawn l-adolexxenti hija ta’ sittax-il sena.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com