“Meħtieġ Aktar Koordinazzjoni Dwar Il-Booster U Ċ-Ċertifikati Tal-Vaċċin” – Stefan Zrinzo Azzopardi

 “Meħtieġ Aktar Koordinazzjoni Dwar Il-Booster U Ċ-Ċertifikati Tal-Vaċċin” – Stefan Zrinzo Azzopardi

Il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ltaqa’ llum fi Brussell biex ikompli t-tħejjijiet għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-16 u s-17 ta’ Diċembru li ġej. Dan il-Kunsill Ewropew mistenni jiffoka fuq il-qagħda epidemjoloġika tal-pandemija Covid-19 fl-Ewropa, il-prezzijiet tal-Enerġija u kwistjonijiet oħra dwar id-difiża u s-sigurtà, b’referenza partikulari għall-qagħda fuq il-fruntiera bejn l-Unjoni Ewropea u l-Belarus.

Id-diskussjoni li mistennija ssir fil-Kunsill Ewropew tax-xahar id-dieħel ser tkun tittratta kif l-Unjoni Ewropea se twieġeb għall-qagħda preżenti tal-pandemija, ir-reviżjoni taż-żewġ rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-ivjaġġar ġewwa u lejn l-Unjoni Ewropea, in-nuqqas ta’ interess u diżinformazzjoni dwar it-tilqim, kif ukoll dwar id-dożi tal-booster tal-vaċċin u l-validita’ taċ-ċertifikati tal-vaċċin.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, informa lill-Kunsill li Malta bħalissa qiegħda tagħti t-tielet doża tal-vaċċin u emfasiżża l-importanza li jkun hemm koordinazzjoni partikolarment biex din it-tielet doża tkun inkluża fic-Ċertifikat tal-Vaċċin tal-Unjoni Ewropea li huwa fissirha bħala għodda eċċellenti.

Dwar is-sitwazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija, is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi tkellem dwar l-importanza li titjieb ir-reżiljenza tal-Unjoni Ewropea biex tkun f’pożizzjoni li tilqa’ għall-kriżijiet li jistgħu jinqalgħu fil-futur. Huwa emfasizza l-importanza tal-inter-konnettivita’ biex tkun assigurata transizzjoni realistika lejn ekonomija li tkun ħielsa minn kull ma jagħmel ħsara lill-klima. Dan huwa importanti għaliex b’hekk tkun qed tiġi indirizzata l-problema tad-diffikulta fil-provvista, liema problema kkontribwiet sew għall-isfidi preżenti fis-settur tal-enerġija.

Dwar il-migrazzjoni u s-sitwazzjoni preżenti fuq il-fruntiera bejn l-Unjoni Ewropea u l-Belarus, Dr Zrinzo Azzopardi għamel sejħa għal diskussjoni dwar ir-rotot kollha tal-migrazzjoni, partikolarment dawk fiċ-Ċentru u l-Punent tal-Mediterran għaliex dawn komplew jesperjenzaw tkabbir finnumru ta’ wasliet fuq il-fruntieri tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali iddiskuta wkoll l-iżviluppi fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewrope u r-Renju Unit, il-pakkett dwar it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea li tħabbar dan l-aħħar mill-Kummissjoni u fil-qafas tad-djalogu Annwali dwar is-Saltna tad-Dritt saret diskussjoni dwar il-qagħda fl-Italja, il-Litwanja, il-Kroazja, il-Latvja u Ċipru.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com