“Wara L-Mewt Ta’ Missieri Rennie Ridt Nibdel L-Istil Ta’ Ħajti” – Claire Vella
Bl-isem ta’ Terra _Saltar Explosive Fitness, Claire Vella, bint il-preżentatur popolari Rennie Vella li ħalliena ftit snin ilu, bdiet tagħmel klassijiet ta’ eżerċizzju għal kulħadd bl-użu tat-trampoline.
Tkellimna magħha u qaltilna li madwar 5 snin ilu, għaddiet minn tibdil f’ħajjitha fejn apparti li kienet tkun mgħobbija b’xogħol u stress, dan wassalha biex tgħix stil ta’ ħajja mhux daqstant b’saħħtu.
Qaltilna li kienet issib komfort fl-ikel u kellha wkoll esperjenzi personali li ma kienu xejn sbieħ.
Kienet taf li trid tibda tieħu ħsieb iżjed is-saħħa tagħha anke ftakret f’missierha, li spiss kien jgħidilha biex tieħu ħsieb saħħitha.
Minn hemm bdiet tattendi għall-klassijiet tat-trampoline; li anke bdiet tmurhom kuljum. Kienet tistenna dan il-ħin bil-ħerqa. Imbagħad iddeċidiet li tagħmel kors tal-yoga li nvolva madwar 200 siegħa f’taħriġ li fihom tgħallmet ħafna kif tieħu ħsieb il-ġisem, il-muskoli, in-nifs u anke l-ħsieb.
Kien minn hemm ‘il quddiem li Claire bdiet torganizza hi stess, il-klassijiet tat-trampoline li għalihom jattendu ħafna persuni.
Lil Claire nawgurawlha minn qalbna. Jekk intom imħajrin tibdew dan it-tip ta’ eżerċizzju, tkellmu ma’ Claire fuq il-paġna Terra _Saltar Explosive Fitness.