“Il-Pjattaformi Diġitali Għandhom Joperaw F’Ambjent Fejn Kulħadd Ikun Trattat B’Mod Ugwali” – Alfred Sant

 “Il-Pjattaformi Diġitali Għandhom Joperaw F’Ambjent Fejn Kulħadd Ikun Trattat B’Mod Ugwali” – Alfred Sant

F’intervent fil-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, l-eks Prim Ministru u Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Grupp Soċjalista u Demokratiku (S&D) fil-Parlament Ewropew Alfred Sant enfasizza li l-pjattaformi diġitali għandhom joperaw f’ambjent ta’ kundizzjonijiet ekwi. Huwa insista li għandha ssir aktar diskussjoni dwar il-possibbiltà u l-fattibilità li titkisser il-pożizzjoni dominanti maħluqa minn ċerti kumpaniji diġitali.

Sant esprima appoġġ għall-ewwel qari tal-Parlament dwar l-Att dwar is-Swieq Diġitali filwaqt li enfasizza li l-azzjonijiet proposti jindikaw id-direzzjoni t-tajba biex jiġi żgurat suq diġitali tal-UE aktar ġust u miftuħ. Minkejja dan huwa wissa dwar is-sitwazzjoni attwali li biha numru żgħir ta’ kumpaniji jmexxu s-suq online u enfasizza li dan huwa perikoluż u inaċċettabbli.

“Ġejna mġiegħla nemmnu li minn bosta aspetti, l-ekonomija tagħna qed taħsad il-frott ta’ suq diġitali li jiffjorixxi fi ħdan sistema ta’ suq miftuħ. Madanakollu, in-negozji ż-żgħar kif ukoll il-konsumaturi jsibu ruħhom maqbuda f’xenarju kważi monopoliku” stqarr Sant.

Hemm madwar 100,000 pjattaforma online li joperaw fl-Unjoni Ewropea li l-maġġoranza l-kbira tagħhom huma intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Madanakollu, matul dan is-seklu ċerti kumpaniji kisbu pożizzjoni monopolistika li twassal għal kompetizzjoni inġusta. L-għan ġenerali u l-ispinta ewlenija wara l-Att dwar is-Swieq Diġitali (DMA) huwa li jiġi żgurat li l-kumpaniji diġitali kollha irrispettivament mid-daqs tagħhom jiġu ttrattati b’mod ġust u ugwali.

L-MPE Laburista rrimarka li ħafna drabi persuna waħda jew tnejn li għandha s-setgħa tiddeċiedi min jieħu riżorsi u opportunitajiet partikolari u min le jinfluwenzaw u jikkontrollaw is-sistema billi jiddeċiedu min jidħol u joħroġ mis-suq, u billi joffri dak li hemm f’dan l-istess suq.

Sant stqarr li huwa favur il-mixja lejn il-ftuħ tas-suq permezz ta’ interoperabbiltà (interoperability) u sistema strutturata li għandha l-għan li tiżgura sitwazzjoni li fiha kulħadd ikollu ċans ġust u ugwali ta’ suċċess fejn atturi li jikkontrollaw l-aspett kompetittiv diġitali Ewropew ikunu jistgħu jinżammu taħt kontroll.

“Minn aspett ta’ kompetizzjoni, dawn ikunu passi inizjali pożittivi. Issa għandu jsir ukoll dibattitu dwar il-possibbiltà u l-fattibbiltà li dawn il-monopolji jitkissru” żied jgħid.

L-ewwel qari tal-Parlament Ewropew dwar l-Att dwar is-Swieq Diġitali ġie adottat b’642 vot favur, 8 kontra u 46 astensjoni.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com