“Il-Ġustizzja Diġitali Għandha Żżomm Fiċ-Ċentru Liċ-Ċittadini Tagħna” – Il-Ministru Edward Zammit Lewis

 “Il-Ġustizzja Diġitali Għandha Żżomm Fiċ-Ċentru Liċ-Ċittadini Tagħna” – Il-Ministru Edward Zammit Lewis

Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis ħabbar aktar investiment diġitali fis-settur tal-ġustizzja. Dan hekk kif is-sistema tal-online filing tal-atti ġudizzjarji ser tkun qed titwessa’ biex jiżdiedu żewġ kategoriji ġodda fil-Qorti Ċivili; is-sezzjoni tal-familja u s-sezzjoni tal-ġurisdizzjoni volontarja.

Fl-impenn tiegħu fit-tisħiħ tal-effiċjenza tal-ġustizzja, il-gvern permezz tal-ħidma kontinwa mal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti, qed ikompli jimplimenta inizjattivi ġodda fit-teknoloġija tal-informatika biex jimmodernizza s-servizzi li jiġu offruti u jtejjeb l-effiċjenza fil-Qrati tal-Ġustizzja ta’ Malta u ta’ Għawdex.

Il-Ministru Zammit Lewis spjega li din l-emenda ser tkun qed tagħti aktar flessibilità lill-avukati u lill-prokuraturi legali li huma awtorizzati jissottomettu l-applikazzjonijiet fir-reġistru tal-qrati ċivili. Dawn il-professjonisti ser ikunu jistgħu jagħmlu dan mill-kumdità tal-uffiċċju legali tagħhom mingħajr ma jattendu personalment fir-reġistru. Huma ser ikunu jistgħu jħallsu kwalunkwe miżata dovuta għall-preżentata ta’ dawn l-applikazzjonijiet elettronikament ukoll.

Il-Kap Eżekuttiv għas-Servizzi tal-Qorti Eunice Grech Fiorini spjegat li l-aġenzija introduċiet ukoll applikazzjoni online oħra li tista’ tintuża mill-pubbliku ġenerali. Din tista’ tintuża mill-pubbliku fl-eventwalità li jinnota li r-Reġistru Elettorali ppubblikat ikun fih informazzjoni skorretta, ikun jista’ jippreżenta rikors biex jinstema’ minn maġistrat biex ikun jista’ jiġi kkoreġut ir-Reġistru Elettorali. Wieħed jista’ jaċċessa dawn il-formoli online mis-sit elettroniku ecourts.gov.mt.

Il-Ministru Zammit Lewis ikkonkluda li b’inizjattiva wara l-oħra, dan il-gvern qed dejjem ikompli juri kemm huwa verament kommess li jkompli jinvesti f’dan is-settur.

L-investiment ser ikompli u dan biex jiġi żgurat li l-ġustizzja tkompli ssir aktar effiċjenti, effettiva u aċċessibbli għal kull ċittadin Malti u Għawdxi u dan ukoll f’ambitu ta’ Strateġija Ħolistika Nazzjonali dwar il-Ġustizzja Diġitali diġà varata bl-għajnuna tas-CEPEJ mill-Kunsill tal-Ewropa u DG reform tal-Kummissjoni Ewropea.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com