Il-PN Qed Jipproponi Sistema Ta’ Self Testing Responsabbli Li Jkun Reġistrat Mal-Awtoritajiet
“Pajjiżna għaddej minn mewġa qawwija ta’ Covid-19. Il-varjant Omicron huwa ħafna aktar infettiv minn ta’ qablu bin-numru ta’ każijiet attivi qed jogħlew ta’ kuljum, b’numru rekord ta’ każijiet.”
Dan kien il-messaġġ li twassal mill-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija fejn ntqal li riżultat ta’ dan aktar pazjenti huma rikoverati f’Mater Dei b’żieda ta’ pazjenti bi bżonn ta’ kura intensiva u pressjoni akbar fuq il-Frontline u s-Servizzi u l-Kura tas-saħħa. “Iż-żieda qed twassal għall-kanċelazzjonijiet ta’ operazzjonijiet, appuntamenti u trattamenti. Sitwazzjoni li qed tolqot ħażin lill-marid u lil min huwa fil-bżonn.”
Il-PN qal li hemm bżonn ta’ azzjonijiet serji b’saħħithom u deċiżjonijiet trasparenti kif ukoll infurzar ta’ miżuri li jnaqqsu l-firxa fil-komunità, anke fid-dawl tal-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel f’inqas minn ħmistax-il ġurnata.
Il-PN saħaq ukoll li l-Booster għandu jingħata b’aktar ħeffa sabiex joffri aktar reżistenza u Herd Immunity stabbli. “Dan irid ikun akkumpanjat minn ittestjar mingħajr dewmien u Contact Tracing effiċjenti. Għalhekk hemm bżonn ta’ aktar testing sites f’dan iż-żmien ta’ firxa qawwija. Hemm bżonn ukoll ta’ aktar riżors uman li jikkumplimenta t-team ta’ Contact Tracing,” tenna l-PN.
Qed jipproponu li jkun hemm sistema serja ta’ self testing responsabbli li jista’ jkun reġistrat lill-Awtorità tas-Saħħa Pubblika. Il-PN sostna li b’hekk titnaqqas load esaġerata ta’ ttestjar kemm PCR u Rapid testing fil-komunità.
Il-PN temm jgħid li għal dan il-għan hemm bżonn ta’ interventi f’ħinhom u f’waqthom.