It-TOI TOI Jawgura Milied Hieni f’Serata t’Allegrija Fit-Teatru Manoel

 It-TOI TOI Jawgura Milied Hieni f’Serata t’Allegrija Fit-Teatru Manoel

Ninġabru l-Manoel bl-akbar ferħ u ħeġġa, fid-19 ta’ Diċembru fil-5pm, biex nieħdu gost u nkantaw flimkien mat-TOI TOI Christmas Classics.

Il-Milied reġa’ magħna – u wasal il-waqt biex, flimkien mal-familja u l-ħbieb, nidħlu fl-ispirtu tal-festi billi nerħulha ma’ TOI TOI fuq vjaġġ fid-dinja tal-memorji.

Għal serata waħda biss, TOI TOI Christmas Classics se jferraħ il-qlub bl-aktar għanjiet tal-Milied maħbubin mill-kbar u miż-żgħar.

“TOI TOI Christmas Classics huwa mfawwar b’għanjiet tal-Milied għall-familja kollha,” qalet Kate Fenech Field, Maniġer għall-Programm tat-Tagħlim u Parteċipazzjoni TOI TOI, waqt li offriet titwila ċkejkna lejn il-ħlewwiet li joffri l-programm ta’ dan l-avveniment.

“Se jkun hemm mużika mill-era tad-deheb tal-erbgħinijiet, fl-istil ta’ kunċert rilassat ta’ Bing Crosby u Judy Garland, kif ukoll kanzunetti riċenti minn artisti tal-lum bħal Michael Bublé u Kelly Clarkson. Waħda mill-ħafna għanjiet li se jispikkaw hija verżjoni nebbiexa u interattiva ta’ The Twelve Days of Christmas, kif ukoll medley ta’ kanzunetti popolari maħsuba biex l-udjenza ta’ età iżgħar tipparteċipa bi ħġarha wkoll.”

Bosta kantanti minn TOI TOI Collective se jwasslu l-maġija ta’ żmien il-Milied fit-Teatru Manoel, hekk kif se jingħaqdu ma’ veterana favorita mal-pubbliku, is-Sa Julie James, fix-xalata mużikali tagħha għall-familji, flimkien ma’ mistednin speċjali oħra fosthom Tom Armitage, Michaela Fenech u Rambert Attard. Wara l-kwinti ta’ dan id-divertiment ta’ żmien il-festi, il-kunċett u l-produzzjoni kreattiva huma f’idejn Kate Fenech Field, flimkien ma’ Tom Armitage bħala Direttur tal-Mużika.

“L-udjenza se tingħata merħba sabiħa mingħand Julie fis-salott komdu tagħha fuq il-palk tal-Manoel, kompluta bi pjanu grand u siġra tal-Milied, fejn se ningħaqdu mal-ħbieb u nkantaw l-għanjiet tal-Milied flimkien,” żvelat is-Sa Fenech Field. “Il-ferħ li nħossu lkoll meta nagħrfu melodija u nkantaw magħha minn taħt l-ilsien japplika għall-etajiet kollha. Aħna ħerqana biex naraw nanniet, zijiet, ġenituri u wlied jitgħaxxqu b’din l-esperjenza u flimkien joħolqu memorji tal-Milied li ma jintesew qatt.”

TOI TOI Christmas Classics se jittella’ fit-Teatru Manoel, il-Belt Valletta, fil-5pm fid-19 ta’ Diċembru 2021, għal membri tal-udjenza li għandhom sitt snin jew aktar. Il-linji gwida kurrenti kollha b’rabta mal-COVID-19 japplikaw.

Il-biljetti jiswew €20, u €10 għat-tfal, studenti u anzjani. Għal aktar informazzjoni u biex tibbukkja l-biljetti, jekk jogħġbok żur www.teatrumanoel.mt, ċempel fuq +356 2124 6389, jew inkella ibgħat email fuq [email protected].

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com