Mniedi Programm Ta’ Prevenzjoni Mill-Abbuż F’Relazzjonijiet Fiż-Żgħożija

 Mniedi Programm Ta’ Prevenzjoni Mill-Abbuż F’Relazzjonijiet Fiż-Żgħożija

Il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, fi ħdan il-Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni f’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni, nediet studju pilota bl-isem ta’ Safe Dates: A Pilot Study Evaluating the Implementation of ‘Safe Dates’ – a Teen Relationship Abuse Prevention Programme. Dan il-programm huwa bbażat fuq il-programm edukattiv Safe Dates (Foshee et al., 2021).

L-għan ta’ dan il-programm edukattiv huwa li jgħin liż-żgħażagħ jiżviluppaw ħiliet essenzjali li jgħinuhom jagħrfu sinjali ta’ abbuż fir-relazzjoni minn kmieni,  jaġixxu b’mod effettiv u sikur u jkunu jafu x’għandhom jagħmlu biex isibu l-għajnuna jekk iħossuhom skomdi jew fil-periklu. B’hekk ikunu jistgħu ikollhom relazzjonijiet sani u sikuri. Dan il-għan jintlaħaq permezz ta’ attivitajiet edukattivi li jisħqu fuq il-prevenzjoni tal-vjolenza f’relazzjonijiet intimi. Riċerka li saret fl-Istati Uniti turi li dan il-programm kien tassew effettiv fil-prevenzjoni tal-abbuż waqt dating.

Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici faħħar ħafna din l-inizzjattiva u qal li huwa kruċjali li nibdew nedukaw dwar relazzjonijiet sani u sikuri miċ-ċokon, sabiex nipprevjenu kemm jista’ jkun il-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana faħħret ħafna din l-inizzjattiva, speċjalment is-sehem tal-istudenti tal-iskola tal-Arti Viżiva u Performattiva li ħadu sehem f’video edukattiv marbut ma’ din it-tema.

Paripassu mal-prinċipji tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, il-Kummissjoni għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika tikkommetti ruħha sabiex tipprevjeni l-abbuż u għaldaqstant, il-kurrikulu tal-programm Safe Dates ser ikun qed jiġi implimentat bħala studju pilota f’erba’ skejjel tal-Istat (fil-Kulleġġ ta’ San Injazju, fil-Kulleġġ ta’ San Tumas More, fil-Kulleġġ ta’ Santa Klara u fil-Kulleġġ ta’ San Nikola) fil-lezzjonijiet tal-PSCD għal studenti li jinsabu fl-Għaxar Sena. Il-kontenut tas-Safe Dates, li ġie adattat għall-kuntest lokali, ikopri materjal li jgħin lill-istudenti jgħarfu u jipprevjenu diversi forom ta’ abbuż fir-relazzjonijiet tagħhom u kif għandhom jgħinu lill-persuni li jinsabu f’relazzjonijiet abbużivi.

L-għan prinċipali ta’ dan l-istudju pilota huwa li nevalwaw l-effettività tal-programm Safe Dates fit-tibdil tat-twemmin u tal-attitudnijiet tal-istudenti tal-PSCD tal-Għaxar Sena rigward l-abbuż fir-relazzjonijiet,  filwaqt li nisimgħu l-esperjenzi tal-għalliema tal-PSCD dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-programm. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, il-Kummissjoni għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, flimkien ma’ Dr Clarissa Sammut Scerri mid-Dipartiment tal-Istudji tal-Familja fl-Università ta’ Malta, qed tniedi din ir-riċerka f’ħidma kontinwa mal-uffiċjali tal-edukazzjoni tal-PSCD u tad-drama, mal-kapijiet tal-iskejjel u mal-għalliema tal-PSCD.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com