“Fejn Jidħol Il-Wirt Storiku Ejjew Infittxu Dak Li Jgħaqqadna” – Wayne Aquilina
Is-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina fuq il-midja soċjali tal-Kunsill Lokali Kalkara ħareġ stqarrija fejn intqal li b’referenza għat-talba ta’ bosta sabiex titieħed azzjoni immedjata dwar il-bieb u l-Forti Salvatur, fit-tieni daħla għall-Kalkara, qabel dawn jintilfu għal kollox, il-Kunsill Lokali tal-Kalkara jixtieq jagħmilha ċara li qed jingħaqad ukoll ma’ din l-għajta komuni.
“Lilhinn mill-argumenti dwar il-konfini ta’ din iż-żona, l-appell ġenwin tagħna huwa li f’dan il-mument għandna ningħaqdu lkoll flimkien, speċjalment f’għajta waħda biex dan il-forti jingħata lura l-glorja li tixraqlu. Huwa ta’ għajb li hawn min qed iffittex u jisħaq aktar dwar l-interess tiegħu milli l-interess storiku, tant li anke siekket l-għajta ta’ għaqdiet u/jew assoċjazzjonijiet volontarji milli jsemmgħu leħinhom u saħansitra ntalab biex aħbar dwar din l-għajta storika tiġi mneħħija minn fuq is-sit tal-aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali. Nagħmluha ċara li la s-Sindku, la l-Kunsill u wisq anqas l-għaqdiet u l-assoċjazzjonijiet fi ħdan ir-raħal tal-Kalkara ma għandna aġenda moħbija. L-aġenda ewlenija tagħna hija biex nieħdu ħsieb din iż-żona milli tkompli tiddeterjora. L-għajta tagħna għandha tkunu waħda komuni. Flimkien inkunu aktar b’saħħitna. Għandna nkunu kburin bil-wirt storiku tagħna, allura ejjew infittxu dak li jagħqqadna mhux dak li jiffridna.”
Dan wara li ftit qabel il-Kunsill Lokali tal-Birgu ħareġ ukoll l-istqarrija min-naħa tiegħu fejn spejga hekk:
“Il-Kunsill Lokali tal-Birgu huwa favur u qatt ma kien kontra, li għaqdiet, assoċjazzjonijiet jew fundazzjonijiet li jippromwovu u jressqu talbiet sabiex il-wirt storiku ta’ dawn il-gżejjer jiġi rrestawrat fosthom il-kappella, il-bieb u l-Forti tas-Salvatur, iżda importanti li jkun iċċarat punt li għalina bħala kunsill lokali huwa importanti ħafna. Qed nirreferi għall-fatt li qed ikun irrapurtat li Bieb is-Salvatur jinsab fil-lokalità tal-Kalkara u din hija stqarrija kompletament żbaljata. Din il-parti tas-swar tal-Kottonera tagħmel parti mill-konfini tal-lokalità tal-Birgu. Kif tista’ tħares lejn il-faċċata ta’ barra tad-dar tiegħek minn ġewwa? Kif il-Kalkara jistgħu jħarsu lejn il-faċċata ta’ barra minn ġewwa?
Jista’ jkun hemm xi aġenda moħbija iżda kull min qed jgħid li dan jagħmel parti mill-Kalkara sejjer żbaljat u żbaljat ħafna. Is-Soċjetà Storika u Kulturali tal-Birgu ilha snin twal tikteb fuq it-telqa u l-bżonn ta’ restawr tal-Forti tas-Salvatur kif ukoll il-Kunsill Lokali tal-Birgu li mill-bidu nett li ġew kostitwiti l-kunsilli lokali f’Malta kiteb bosta ittri lil dak iż-żmien hekk imsejjaħ il-Kumitat ta’ Rijabilitazzjoni tal-Kottonera sabiex din il-forti jsirilha r-restawr kollu meħtieġ qabel jintilef. Barra minn hekk, dokumenti antiki li għandu f’idejh il-Kunsill Lokali tal-Birgu, jindikaw li dan il-Forti qiegħed fil-Birgu u nbena għad-difiża tal-Kottonera u dan ma jista’ jmerih ħadd u qatt.”
Minn Stradarjali.com nawguraw li lil hinn mill-batibekki, dan il-bieb u l-Forti tas-Salvatur jiġi rrestawrat mill-aktar fis għat-tgawdija tal-poplu kollu u għall-benefiċċju tal-wirt kulturali sinjur f’pajjiżna.