“Il-Wage Supplement Se Jibqa’ Hemmhekk Kemm Hemm Bżonn” – Il-PM Robert Abela
Matul laqgħa fil-Berġa ta’ Kastilja mar-rappreżentanti tas-sidien tan-negozji, il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, il-Prim Ministru Robert Abela wera r-rieda tal-Gvern li jibqa’ jkun ta’ sostenn għan-negozji biex jibqgħu fiċ-ċentru tal-irkupru u t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza li “m’hemmx kompromessi mal-ħajja tan-negozji. Assistejna lil kulħadd mingħajr kumplikazzjonijiet burokratiċi u se nibqgħu nassistu kemm hemm bżonn. Dan il-Gvern mhux se jħalli lin-negozji waħedhom”. Minn meta l-pandemija laħqet lil xtutna, il-Gvern ħareġ iktar minn €680 miljun f’assistenza lin-negozji, b’€650 miljun minnhom jissarrfu f’għajnuna tal-wage supplement. Mas-17,500 negozju ġew mgħejjuna, bil-maġġor parti tagħhom ikunu negozji żgħar u medji u self-employed.
Fakkar kemm pajjiżna huwa favur in-negozji anke fil-proviżjoni ta’ servizz u assistenza, bil-Business 1st jirreġistra 290,000 kuntatt dirett b’mod individwali ma’ negozji. Parti minn dan is-suċċess fil-qasam tan-negozju, qal il-Prim Ministru, kienet il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji li ħadmet id f’id mal-gvern f’mumenti ta’ sfida. Qal li huwa f’dan l-ispirtu ta’ djalogu li rridu nkomplu mexjin ‘il quddiem biex jinstabu metodi differenti t’għajnuna lin-negozji varji f’pajjiżna.
“Issa huwa l-mument fejn verament nuru r-reżiljenza ta’ pajjiżna. Il-wage supplement se jibqa’ hemmhekk kemm hemm bżonn. Ix-xahar id-dieħel, il-wage supplement se jibqa’ kif inhu u jekk hemm bżonn nestendu għal Marzu u April, wara djalogu magħkom”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela.
Elenka numru ta’ għajnuniet oħra offruti mill-Malta Enterprise li jkomplu jwieżnu lin-negozji u lis-self-employed fosthom is-Smart and Sustainable Scheme u l-estensjoni tal-iskema ta’ sussidju għan-negozji fuq il-kiri fil-privat. Anke l-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza jaħseb fin-negozji u t-transizzjoni lejn ekonomija li tagħti prijorità lill-kwailità tal-ħajja.
Matul il-laqgħa ġew diskussa wkoll sfidi immenti li jafu jiffaċċjaw in-negozji fix-xhur li ġejjin fosthom il-prezzijiet tal-enerġija u l-ġarr tal-merkanzija, bil-Prim Ministru Robert Abela jgħid li l-gvern huwa kommess li jżomm il-prezzijiet stabbli kif għamel fil-passat.
Min-naħa tiegħu l-President tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji Paul Abela rringrazzja lill-Prim Ministru talli tul dawn l-aħħar xhur ittieħdu deċizjonijiet importanti wara djalogu miftuħ filwaqt li li ħeġġeġ għal aktar diskussjoni biex jinstabu soluzzjonijiet f’waqqithom għal ġid tan-negozji f’pajjiżna.
Ritratt: DOI