‘Leto’ – Esebizzjoni Esklussiva Ta’ Ritratti Mill-Fotografu Andrew E Zarb
‘Leto’ hija l-ewwel esebizzjoni għal Andrew E Zarb , fejn se jkun qiegħed jesebixxi esklussivament xogħlu. Din l-esebizzjoni ser tittella’ bejn l-4 ta’ Frar u t-18 ta’ Frar ġewwa Art by the Seaside, l-Isla. Art Gallery li fetħet fl-2021 u li diġà’ qabdet ritmu tajjeb fix-xena tal-arti.
Tkellimna ma’ Andrew E Zarb innifsu fejn spjega li l-kelma ‘Leto’ fil-mitoloġija Griega tfisser Alla tal-maternità u l-umiltà. Huwa qalilna li l-isem juri ċar it-tema ta’ din l-esebizzjoni, fejn permezz ta’ ritratti se naraw ommijiet fil-ġmiel kollu tagħhom, huma min huma u huma ta’ liema forma huma. Permezz tar-ritratti ser naraw ukoll mumenti, ħsus li l-ommijiet jgħaddu minnhom u li huma biss jistgħu jħsossu ladarba il-maternità hija esperjenza unika; ma tista’ tiġi mqabbla mal-ebda esperjenza oħra.
Andrew E Zarb qalilna li ċert li kull min ser jattendi għal din l-esebizzjoni se jħossu parteċipi ta’ din l-esperjenza permezz tal-ħsus li se jwasslu r-ritratti. F’din l-esebizzjoni se jitfakkru wkoll dawk l-ommijiet li għaddew għad-dinja l-oħra, “firda kerha mmens.”
Andrew E Zarb tgħallem waħdu s-sengħa tal-fotografija. Din il-passjoni bdiet fl-2016, meta wara operazzjoni sab ruħu ġo sodda għal tliet xhur. Sa ma rkupra, mela l-ħin billi fittex u tgħallem fuq id-dinja tal-fotografija, ħolma li kien ilu jhewden li jwettaq. Beda b’diversi stili sa ma minn tliet snin ilu ‘l hawn ħassu iffoka fuq in-nudiżmu. Nudiżmu li juri b’eleganza kemm kull figura umana hija perfetta hi kif inhi, li jqanqal ħsus sottili ta’ ġmiel divin f’min japprezza dan ix-xogħol.
Mil-lenti t’Andrew naraw kif xogħlu jdur mal-figura umana billi jiffoka fuq dettalji, pożi u idealment bla użu ta’ props. Fix-xogħolijiet naraw prominenza femminili, dan minħabba l-fatt li mudelli maskili huma iktar rari biex isib. Iktar u iktar meta jaħdem fil-maġġoranza ma’ mudelli li m’humiex professjonali. Iħossu iktar sodisfatt u komdu jaħdem ma’ nies li jitħajru jippużaw għall-ewwel darba, uħud anke biex jegħlbu ċertu ideat li ħolqu kontra l-apparenza tagħhom.
‘Leto’ ser tittella’ bejn l-4 ta’ Frar u t-18 ta’ Frar ġewwa Art by the Seaside 65, triq il-Mina, l-Isla. Għal aktar dettalji segwu l-paġna ta’ Art by the Seaside u anke l-event fuq Facebook: Leto- Goddess of Motherhood and Demureness.