“Malta Hija L-Unika Pajjiż Li M’Għandux Prodotti Lokali Protetti Mill-UE” – Peter Agius
“Temmnu li Malta l-unika pajjiż tal-UE li għada ma ressqet l-ebda prodott lokali biex ikollu l-protezzjoni u promozzjoni mill-UE?”
Hekk kiteb il-Kelliem Ewlieni tal-PN Peter Agius fuq il-mezzi soċjali tiegħu meta tkellem dwar prodotti lokali Maltin li mhumiex protetti mill-UE.
“Il-Mongolja li mhux membru tal-UE wkoll għandha prodotti rikonoxxuti bħala tipiċi mill-Unjoni Ewropea,” saħaq Agius, filwaqt li qalilna li f’Malta wieħed isib diversi prodotti lokali tipiċi, bħal; ġbejniet, imqaret, pastizzi, liquers, bambinella u rummien fost ħafna oħrajn li kollha jistgħu jkunu protetti mill-UE.
“Timmaġinaw kemm nistgħu noħolqu opportunitajiet lokali ta’ negozju u xogħol jekk nisfruttaw il-mezzi li ttina l-Ewropa biex niftħu swieq ġodda?” staqsa Peter Agius.
Il-Kelliem tal-PN temm jgħid li huwa konvint li rridu nużaw l-Ewropa biex ngħinu lill-imprenditur, il-bidwi u l-prodott Malti, “mhux insawtuhom biss bir-regoli tagħha.”