“Robert Abela Għandu Jaċċetta Li Mill-Aktar Fis Il-Parlament Jiddiskuti L-Abbozz Li Ressaq Il-PN”

 “Robert Abela Għandu Jaċċetta Li Mill-Aktar Fis Il-Parlament Jiddiskuti L-Abbozz Li Ressaq Il-PN”

“Nistenna li l-gvern jaqbel mat-talba tagħna, li se nressqu għada, biex l-abbozz ta’ liġi li ħabbar ilbieraħ il-Partit Nazzjonalista, li fih xejn inqas minn tnax-il abbozz ieħor biex jindirizza nuqqasijiet li naqas li jindirizza dan il-gvern, jiġi diskuss mill-aktar fis fil-Parlament. Dan anke wara li l-Prim Ministru stess ilbieraħ u reġa’ kkonfermaha dalgħodu, b’reazzjoni għal dak li għamilna, meta qal li kien qed jaħdem fuq abbozzi simili.”

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista fuq NET Television. Huwa saħaq li minkejja diversi sejħiet biex Robert Abela jimplimenta r-rakkomondazzjonijiet biex f’pajjiżna tieqaf l-impunitá u tiġi miġġielda l-korruzzjoni u l-kriminalitá organizzata, Robert Abela baqa’ ma ħax deċiżjonjiet.

Bernard Grech fakkar li l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista approva unanimament u b’mod magħqud dan l-Abbozz ta’ Liġi li jimplimenta ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u li jista’ jgħin biex Malta ma tibqax fil-lista l-griża tal-FATF.

Dwar il-Pandemija il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella mill-ġdid biex fid-dawl ta’ numri kbar ta’ każijiet, għandhom jiġu permessi self-testing kits li jkunu regolati. Huwa mill-ġdid apella għat-trasparenza mill-Gvern fid-deċiżjonijiet li jieħu u tenna l-appell tiegħu biex il-wage supplement jiġi estiż sa tal-anqas l-aħħar ta’ Marzu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għamel referenza wkoll għar-rabja kbira li hemm bħalissa fost il-membri tal-Korp tal-Pulizija. Semma kif dan huwa każ ieħor fejn tifhem għaliex hemm nies, fosthom pulizija stess, li ma jħossuhomx safe f’Malta. Għax meta jitnawwru l-istituzzjonijiet, dan hu r-riżultat, li ma tħossokx safe f’darek. Hu tenna li għad hemm spjega li trid issir mill-avukat ġenerali u l-kummissarju tal-Pulizija.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Gvern ukoll jinsab kritikat u bir-raġun dwar l-infieq żejjed u tberbiq ta’ flus fid-diversi dipartimenti tiegħu. Tberbiq li fi ftit kliem jista’ jiġi deskritt bħala taxxa fuq il-poplu Malti, it-taxxa tal-korruzzjoni. Flus li faċilment jistgħu jiġu investiti fil-poplu Malti u Għawdxi. Tenna li dan hu abbuż li jekk jiġi indirizzat il-kwalitá tal-ħajja tal-poplu Malti titjib.

Huwa temm l-intervista billi saħaq li meta nibżgħu għar-riżorsi u l-flus tal-poplu tagħna nkunu nistgħu nużawhom b’aktar għaqal u responsabbiltà biex inwieżnu l-ħaddiema, l-anzjani tagħna, il-frontliners.  Innaqqsu l-piż tat-taxxa fuqek, innaqqsu l-VAT fuq ir-restoranti u nagħtu lura l-flus li nsterqulek mill-kont tad-dawl u ilma tiegħek.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com