Tfittxija Mill-Pulizija Fid-Dar Ta’ Joseph Muscat – Jgħid Li Dan Kien Kollu “Teatrin Biex Jumiljawni”

 Tfittxija Mill-Pulizija Fid-Dar Ta’ Joseph Muscat – Jgħid Li Dan Kien Kollu “Teatrin Biex Jumiljawni”

Fis-7:00am ta’ dalgħodu, il-Pulizija mit-Taqsima tar-Reati Finanzjarji għamlu tfittxija fid-dar ta’ Joseph Muscat għal dokumenti setgħu jsibu relatati mal-investigazzjoni li qed isir fuq il-Vitals Global Healthcare.

Jidher li l-Pulizija għamlu madwar tliet sigħat fir-residenza, għalkemm Joseph Muscat qal li hekk kif il-Pulizija, li fi kliemu kienu ġentili, qalulu x’qed ifittxu huwa tagħhom file mimli dokumenti u provi li kien ilu preparat minn Novembru li għadda. Muscat qal li dan il-file kien ppreparah sabiex mal-ewwel opportunita’ jkun jista’ jgħaddih lill-Maġistrat. Huwa qal li kien ipprepara dan il-file wara l-artiklu li kien ħareġ fuq it-‘Times’ li Joseph Muscat kien irċieva madwar €60,000 mingħand il-kumpanija Accutor AG, kumpanija li għandha konnessjoni ma’ Steward Healthcare u Vitals.

Joseph Muscat qal li kien “nofsu sorpriż” b’dan ir-rejd li sar dalgħodu, għaliex huwa nduna b’dak li kien qed jiġri minn post li kiteb id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u b’diskors li qal u li wassal għand Muscat.

“Ilbieraħ l-avukati tiegħi daħħlu rikors dwar dak li qal Dr. Jason Azzopardi, tlabt ukoll lill-Maġistrat biex meta trid jien lest li nixhed u ngħaddilha l-informazzjoni kollha li għandha bżonn. Però intgħażlet it-triq tat-teatrin li ma’ kienux neċessarji, saru biss b’tentattiv biex jumiljawni,” qal Joseph Muscat f’filmat li ppubblika fuq il-mezzi soċjali tiegħu.

Fost oħrajn il-Pulizja ikkonfiskaw il-mowbajl tiegħu, ta’ martu Michelle u anke ta’ uliedhom.

Joseph Muscat wara dan kollu qal li l-fiduċja f’din l-inkjesta naqsitlu, però huwa lest li jkompli jikkopera. Huwa qal ukoll li se jkun qed jitkellem iktar fil-pubbliku, kemm permezz tal-mezzi soċjali kif ukoll wiċċ imb wiċċ, “se nagħmel naqra iktar storbju wara sentejn kwiet,” temm jgħid Muscat.

Ara l-filmat:

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com