Clyde Puli Jtemm Il-Karriera Politika Tiegħu

 Clyde Puli Jtemm Il-Karriera Politika Tiegħu

“Hekk kif ġie xolt il-Parlament u ntemmet il-leġislatura, xtaqt ninfurmak bid-deċiżjoni tiegħi li ma nikkontestax l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Din id-deċiżjoni ħadtha wara riflessjoni u diskussjoni mal-familja tiegħi u ma’ dawk qrib tiegħi.”

Hekk kiteb Clyde Puli f’ittra li għadu kemm ippreżenta waqt laqgħa kordjali mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Puli qal li matul il-karriera politika tiegħu serva b’impenn sa mill-ewwel ġurnata, “imma issa li sehmi tajtu għal tul ta’ żmien, inħoss li wasal iż-żmien li nterraq toroq ġodda.”

Clyde Puli tenna li jinsab grat ħafna li ngħata l-privileġġ li jservi f’4 leġislaturi parlamentari, 3 termini ta’ kunsill lokali u 30 sena fl-istrutturi tal-Partit.

Huwa rringrazzja lill-Kumitat Eżekuttiv li xhur ilu kien talbu u approva l-kandidatura tiegħu biex jikkontesta l-elezzjoni ġenerali. Irringrazzja wkoll lil kull mexxej li ħadem miegħu tul is-snin kollha.

Puli kiteb li huwa ħadem bla heda b’onestà u b’sens ta’ lealtà lejn il-prinċipji tal-partit kemm fil-mumenti ta’ glorja iżda ankè fil-mumenti ta’ sfida. “Il-politika dejjem fissret għalija vokazzjoni ta’ servizz. Aktar milli eżerċizzju ta’ poter, il-politika għalija kienet missjoni biex ngħin u ntejjeb il-ħajja tan-nies.”

Huwa awgura lil Partit kull suċċess f’din l-elezzjoni, filwaqt li appella lill-Kap tal-PN biex jibqa’ kburi jsostni l-prinċipji awtentiċi li sawru l-Partit matul is-snin.

Finalment huwa rringrazzja lill-poplu Malti u lill-kostitwenti tiegħu. “M’għandix kliem biex nirringrazzjahom tal-fiduċja li wrewni matul is-snin u tal-privileġġ li tawni biex inservihom. Jekk inqast lil xi ħadd, imqar jekk bla intenzjoni nitlob maħfra.”

1 Comment

Comments are closed.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com