Il-Fabbrika Tal-Ħalib Fil-Ħamrun, Triq Sant’Anna U L-Pjazza Ta’ San Ġwann Fost Il-Proġetti Biex Jinbidlu Fi Spazji Ħodor

 Il-Fabbrika Tal-Ħalib Fil-Ħamrun, Triq Sant’Anna U L-Pjazza Ta’ San Ġwann Fost Il-Proġetti Biex Jinbidlu Fi Spazji Ħodor

“Irridu lill-Għawdxin u lill-Maltin jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar. Għalhekk se nidħlu għall-aktar proġett ambjentali ambizzjuż fl-istorja ta’ pajjiżna.”

Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista bit-tema Malta Flimkien li matulha ħabbar dettalji dwar il-proposta tal-Partit Laburista li tinkludi €700 miljun investiment għal spazji ħodor.

Robert Abela qal li l-pjan huwa li jkunu kkreati spazji u żoni ħodor fejn biex tistrieħ ma jkollox għalfejn tuża l-karozza, imma b’mixja tasal fi spazji miftuħa fejn tgħix. “Dawn il-proġetti se jwasslu li jbiddlu wiċċ pajjiżna fis-snin li ġejjin.”

Matul il-konferenza l-Ministru Miriam Dalli u l-Ministru Aaron Farrugia taw dettalji tal-proposti ta’ diversi proġetti li hemm il-ħsib li jkunu tal-ewwel li jsiru.

Huma semmew fost l-oħra l-ispazju fejn kien ħa jsir id-dormitorju tal-AUM, fejn issa l-ħsieb huwa li din iż-żona tiġi konvertita f’parkeġġ taħt l-art u ġnien fuqu.

F’San Ġwann qed ikun propost li l-pjazza ta’ quddiem il-Knisja tinbidel fi spazju pubbliku li jkun estiż ma’ ġnien Karin Grech. Ġie spjegat li dan il-proġett jinkludi li tinbena mina biex jgħaddi t-traffiku minnha.

Il-Ministru Dalli qalet ukoll li l-pjan għal Għawdex huwa li fir-Rabat, il-parkeġġ li hemm biswit il-venda tal-karozzi tal-linja jinbidel f’park għall-familja kif ukoll grawnd tal-futbol. Taħt dan kollu jsir parkeġġ. Dan il-proġett se jkun qed jingħaqad mal-ġnien ta’ Villa Rundle.

Proġett ieħor li kien propost huwa li l-fabbrika tal-ħalib fil-Ħamrun tkun rilokata f’sit industrijali filwaqt li l-ispazju tal-fabbrika jinbidel fi spazju aħdar għall-familji.

L-aħħar proġett mħabbar mill-Ministru Dalli kien dak f’Birkirkara fejn qalet li hawn se jkun qed jissaqqaf il-kanal tal-ilma fi Triq il-Qasab biex fuqu jsir spazju aħbar.

Il-Ministru Aaron Farrugia ħabbar li l-istudji li kienu qed isiru dwar il-proġett tal-mini ta’ Santa Venera issa huwa lest u għalhekk ix-xogħol biex dawn jissaqqfu u jinbidlu fi spazju miftuħ se jkun jista’ jibda fiż-żmien li ġej.

Il-Ministru Farrugia semma wkoll il-proġett fi Triq Sant’Anna, l-Furjana fejn qal li l-idea li din it-triq isir waħda pedonali huwa fattibbli. Huwa qal li t-traffiku kollu se jkun jista’ jgħaddi minn mina.

“Konvint li flimkien se naslu. Malta Flimkien biex nagħtu spazji isbaħ u pubbliċi lill-familji. Malta Flimkien, il-futur sabiħ”, temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com