Komunità Musulmana B’Donazzjoni Ta’ Librerija Bil-Kotba Għall-Komunità Terapewtika Għan-Nisa F’San Blas

 Komunità Musulmana B’Donazzjoni Ta’ Librerija Bil-Kotba Għall-Komunità Terapewtika Għan-Nisa F’San Blas

Il-Komunità Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta ilha tagħti appoġġ lil Caritas Malta għal dawn l-aħħar 5 snin. Din il-komunità tagħmel diversi ġesti ta’ solidarjetà mar-residenti li jkunu qed isegwu programm ta’ riabilitazzjoni. Fost inizjattivi diversi, illum ġew ippreżentati 200 ktieb għar-residenti tal-programm tan-nisa flimkien ma’ xkaffar u mejda. Din segwiet donazzjoni li saret ftit żmien ilu meta ġew donati kotba fir-residenza tal-irġiel f’San Blas.

Is-Sur Anthony Gatt, Direttur ta’ Caritas Malta, irringrazzja lil Imam Atif u l-Komunità Ahmadiyya għal dan il-ġest tant sabiħ u nobbli. Faħħar l-inizjattivi li jsiru biex jgħinu lill-komunitajiet ta’ Caritas Malta. Il-ġest li wieħed jagħti rigal u jirċievi rigal jimlew il-qalb bil-ferħ.

Nancy Scerri, Head tal-programm terapewtiku tan-nisa, qalet li l-kotba huma għodda oħra għal min qed jagħmel programm ta’ riabilitazzjoni. Il-ktieb jintuża fil-ħin ta’ rilassament waqt il-ħin liberu bħala parti minn stil ta’ ħajja sana, kif ukoll għat-tagħlim.

Imam Laiq Ahmef Latif spjega kif bla dubju l-ktieb huwa l-ħabib tal-bniedem. Kotba tajbin iwessgħu l-perspettiva lejn il-ħajja u wkoll jarrikixxu l-moħħ. Wieħed qatt ma jħossu waħdu b’kumpanija ta’ ktieb tajjeb f’idejh. Il-kotba jipprovdu l-għarfien u l-informazzjoni; jagħtu tweġibiet lil tant mistoqsijiet u lil dawk li forsi jkunu għaddejja minn żmien iebes u ta’ ansjetà, ktieb jagħti l-opportunità biex iġib ir-rilassament u l-paċi. Iktar minn hekk, il-ktieb jeduka u jgħin biex itejjeb il-ħajja tal-bniedem, ta’ kumpanija waqt il-ħin liberu u wkoll waqt l-ivvjaġġar.

B’dan il-ħsieb l-Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta għamlet donazzjoni ta’ ’l fuq minn 200 ktieb li tpoġġew f’librerija li ġiet donata wkoll mill-istess komunità fil-programm terapewtiku tan-nisa f’San Blas.

Waqt żjara li l-Imam Laiq Ahmed Atif għamel fl-2020 fl-istess Ċentru Terapewtiku, meta kien qed jitkellem man-nisa li qed jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni, wiegħed li Ahmadiyya Muslim Community se tagħmel donazzjoni ta’ librerija bil-kotba u b’hekk ukoll ikunu qed jippromwovu l-qari u l-ħin liberu jkun qed jitqassam b’mod iktar kostruttiv waqt li jkunu għaddejja fil-programm.

Imam Atif temm jgħid li din il-librerija se tiggarantixxi aċċess għall-għerf u informazzjoni. Il-kotba huma riżorsa ta’ opportunità biex wieħed jitgħallem u jifforma ideat ġodda u perspettiva li tgħin soċjetà biex tkun kreattiva u innovattiva. Dinja mingħajr kotba tkun diffiċli li tavvanza fir-riċerka u l-għarfien uman. Il-ktieb huwa l-opportunità sinonima mal-edukazzjoni u joffri opportunità ta’ tagħlim li jista’ jgħin fl-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com