Othello U Sweeney Todd Fil-Qalba Tal-Programm Tal-Manoel
Għadhom kif ħarġu għall-bejgħ il-biljetti għal żewġ produzzjonijiet kbar li dalwaqt se jpaxxu lill-udjenzi fit-teatru nazzjonali ta’ Malta.
It-Teatru Manoel se jippreżenta t-traġedja brillanti ta’ William Shakespeare Othello, bejn it-12 u l-15 ta’ Mejju, kif ukoll l-ewwel produzzjoni ta’ teatru mużikali li qatt inħadmet internament, iċ-ċelebri Sweeney Todd: The Demon Barber of Fleet Street, mis-17 sal-24 ta’ Lulju 2022.
“Kemm Othello kif ukoll Sweeney Todd: The Demon Barber of Fleet Street se jkunu mumenti importanti fl-istaġun tal-Manoel,” qal Massimo Zammit, il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel. “It-tnejn li huma għandhom kast inkredibbli, diġà għaddejjin bil-provi, li qed iħejju biex, rispettivament, jagħtu l-ħajja lil waħda mill-aktar traġedji ta’ Shakespeare li tiġbed ammirazzjoni, u musical ta’ suċċess internazzjonali tal-mibki Stephen Sondheim, sabiex l-udjenzi f’Malta jkunu jistgħu jesperjenzawhom personalment.”
Addattata u mqassra minn Ian Moore, u b’direzzjoni tiegħu stess, il-produzzjoni tat-Teatru Manoel ta’ Othello se tkun fidila lejn it-test klassiku ta’ “the Bard”, filwaqt li tirrakkonta l-istorja dejjiema ta’ passjoni, għira u razzjalità permezz ta’ staging kontemporanju. L-attur Ingliż Shawn John se jaħdem il-parti prinċipali tal-ġeneral Venezjan Othello, flimkien ma’ Greta Agius bħala s-sbejħa martu Desdemona, u Edward Caruana Galizia bħala l-villan Iago. Il-kast impressjonanti li se jissapportja lill-artisti prinċipali jinkludi lil Alex Weenink, Kyle Borg, Kay Dimech, Stephen Oliver, Simone Ellul, Polly March u Matthew Grech.
Imtellgħa bħala tribut għal-leġġenda tat-teatru mużikali Stephen Sondheim li miet lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet, Sweeney Todd: The Demon Barber of Fleet Street daqstant ieħor għandha kast brillanti, taħt id-direzzjoni ta’ Lucienne Camilleri, u bid-direzzjoni mużikali f’idejn Ryan Paul Abela. Roger Tirazona jmexxi l-kast bħala l-barbier qattiel innifsu, Sweeney Todd, akkumpanjat minn Kateriana Fenech bħala Mrs Lovett flimkien ma’ Stephen Oliver, Jasmine Farrugia, Ryan Grech, Gianluca Cilia, Noel Zarb, Stefania Grech Vella u Karl Bartolo.
Din il-produzzjoni tat-Teatru Manoel – l-ewwel musical li qatt inħadem mit-teatru stess – tibni fuq is-suċċess tal-musical oriġinali, b’mużika u lirika ta’ Sondheim, u l-ktieb ta’ Hugo Wheeler. Ibbażata fuq id-dramm tal-1973 ta’ Christopher Bond, Sweeney Todd: The Demon Barber of Fleet Street iddebuttat fi Broadway fl-1979 u fil-West End fl-1980, filwaqt li rebħet diversi Premjijiet Tony fosthom dak għall-Aqwa Musical u l-Premju Olivier għall-Aqwa Musical Ġdid.
Ibbukkja l-biljetti tiegħek illum biex tara Othello u Sweeney Todd: The Demon Barber of Fleet Street, minn www.teatrumanoel.mt.