F’Delimara Sparati Tiri Fuq Grupp Bagħdan Aħmar Protett – Erba’ Feruti U Waħda Mejta
Qatgħa sħiħa ta’ madwar 30 għasfur tal-priża fosthom grupp ta’ Bagħdan Aħmar spiċċaw fil-mira ta’ kaċċaturi, li lbieraħ filgħaxija fiż-żona magħrufa bħala Tas-Silġ, f’Delimara sparaw fuq grupp Bagħdan.
L-NGO BirdLife Malta qalet li huma kienu qed isegwu dawn l-għasafar wara li raw diversi kaċċaturi fil-viċin li kienu qed isegwu l-moviment tagħhom.
BirdLife Malta qalet li ftit sigħat wara nżul ix-xemx instemgħu diversi tiri.
“Issa b’daqshekk x’ħadtu? Dħaltu fis-satra tal-lejl bis-snieter u bid-dawl toqtlu l-Bagħdan protett rieqed fil-qamħ. Tlaqtu ‘l hemm u ħallejtu ħerba warajkom. Kuntenti issa?”
Dan kien il-messaġġ li kiteb il-Kunsillier Indipendenti Steve Zammit Lupi fuq il-mezzi soċjali tiegħu wara li l-lejl li għadda spiċċaw fil-mira ta’ kaċċa llegali f’Delimara.
Zammit Lupi qal li 4 spiċċaw feruti u 1 mejta. “Ħames Bagħdan nisa li l-passa tagħhom waqfet hawn. Ma talbux wisq ta! Xtaqu biss lejl wieħed f’Malta ta’ mistrieħ fi triqthom lura lejn l-Ewropa mill-Afrika biex ibejtu. Però l-egoiżmu s’hemm jasal. Din hi l-impunita’ li hawn mas-saqajn,” tenna Steve Zammit Lupi.
Huwa tkellem ukoll dwar kif il-politiċi sabu ċans jitkellmu fuq kollox minbarra fuq il-ħarsien tan-natura u l-għasafar.
“Għandkom l-obbligu li taraw il-liġijiet jiġu osservati, huma verament effettivi, u ma jibqgħux fuq l-karta! Għandkom d-dmir li tħarsu n-natura Maltija,” temm jgħid Zammit Lupi.
Dwar dan il-każ tkellem ukoll il-Kelliem tal-PN Peter Agius fejn fuq il-mezzi soċjali tiegħu qal li dan kien massakru ieħor ta’ tajr protett. Huwa qal ukoll li l-Bagħdan hija kreatura maestuża protetta minn kull liġi kullimkien. “Hawn Noqtluha!”
Peter Agius saħaq li l-kaċċa hija delizzju fl-Ewropa kollha imma hawn Malta biss nisimgħu b’dawn l-oxxenitajiet kważi kull ġimgħa.
“Dan huwa falliment tas-sistema u tal-klassi politika bla sinsla li għandna tmexxina. Jien lest nipproteġu delizzju, lest nipproteġi tradizzjoni imma ma niflaħx aktar nara massakri bħal dawn!” temm jgħid Peter Agius.