“Il-Gvern Għandu Jieħu Passi Fattibbli Fid-Dawl Taż-Żieda Fl-Ispejjeż Għall-Bdiewa Qabel Ikun Tard Wisq” – Il-PN

 “Il-Gvern Għandu Jieħu Passi Fattibbli Fid-Dawl Taż-Żieda Fl-Ispejjeż Għall-Bdiewa Qabel Ikun Tard Wisq” – Il-PN

“Hekk kif spjegat f’artiklu fuq ‘The Sunday Times of Malta’, iż-żidiet fil-prezzijiet tal-importazzjoni qed jolqtu b’mod negattiv lill-bdiewa wkoll. Dan għaliex qiegħed jitfa’ spejjeż ġodda fuqhom, f’sitwazzjoni fejn id-dħul finanzjarju tagħhom diġà mhux b’saħħtu biżżejjed.”

Dan intqal mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina u l-Kelliem għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia.

Fi stqarrija huma qalu li ż-żidiet fl-ispejjeż tal-importazzjoni tal-fertilizzant, b’medja ta’ 40%, mhux iħallu lill-bdiewa jlaħħqu mal-ħajja. Il-Kelliema tal-PN saħqu li biex tibqa’ assigurata l-provista tal-ikel f’pajjiżna huwa importanti li l-Gvern jikkunsidra li jerfa’ parti mill-piż ta’ dawn l-ispejjeż.

“Il-gvern għandu d-dover li jieħu l-inizjattiva u ma jistennix il-qasam jiġi fi kriżi aktar milli hu biex jieħu azzjoni,” tennew Bezzina u Cilia.

Il-Kelliema tal-PN sostnew li l-gvern jista’ jieħu passi fattibbli, bħal tnaqqis fid-dipendenza fuq il-fertilizzant inorganiku permezz ta’ użu aħjar tal-fertilizzant naturali aċċessibbli hawn Malta. “Dan għandu jintuża meta u kif meħtieġ sabiex filwaqt li jilħaq l-għan aħħari tiegħu, ma ssirx ħsara lill-ilma tal-pjan.”

Huma żiedu jgħidu li fl-istess waqt, għandhom jiġu inċentivati studji flimkien mal-produtturi tal-bhejjem sabiex jinstabu soluzzjonijiet biex id-demel tal-annimali jitqies bħala riżorsa essenzjali li tinħadem u tiġi integrata fl-agrikoltura bl-aktar mod effettiv.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com