Kummiedja Oħra Divertenti Mill-Kumpanija Teatru Rjal Fit-Teatru Tal-Istitut Kattoliku

 Kummiedja Oħra Divertenti Mill-Kumpanija Teatru Rjal Fit-Teatru Tal-Istitut Kattoliku

Kif ħabbret ftit tal-ġimgħat ilu, il-kumpanija Teatru Rjal se tkompli bl-attivitajiet li jfakkru t-30 sena mit-twaqqif tagħha billi tippreżenta t-tieni produzzjoni tagħha fl-Istitut Kattoliku, il-Furjana, nhar is-Sibt 7 ta’ Mejju fis-7pm u l-Ħadd 8 ta’ Mejju fis-6.30pm. Produzzjoni tal-kummiedja divertenti Benjaminu Costa bil-parteċipazzjoni ta’ Hector Bruno, Carlos Farrugia, Marica Cassar, Ina Robinich, Cecilia Testa, Mario Cassar u Maria Clara Vella Clark, b’direzzjoni ta’ Ray Abdilla.

Min hu Benjaminu Costa?

L-istorja ddur u tiżvolġi dwar dan il-karattru. Il-ġrajja kollha sseħħ fid-dar ta’ Leon Harufo, arluġġar armel. Miegħu għandu joqogħdu l-kunjata u t-tifla tiegħu, Liliana. Sieħeb fin-negozju hemm Aldo, li jiġi t-tifel tal-ħabib ta’ Leon li llum mejjet u li hu n-namrat bil-moħbi ta’ Liliana.

Hemm ukoll il-kunjata toqgħod magħhom, bniedma stretta ħafna u kollox trid taħt il-kontroll tagħha u kulħadd jibża’ minnha barra wieħed, is-surmast Ottavio. Tgħid għaliex ma jibżax minnha Ottavio? U għaliex il-kunjata trid akkost ta’ kollox lil Liliana ddaħħalha f’konkors tal-kant? Hemm is-seftura tal-familja, Caldina, li kif jindika isimha, calda ġmielha, u l-ħin kollha tittanta lil Aldo.

Fl-istorja f’daqqa waħda tidħol Domenique, li tiġi z-zija ta’ Aldo, li fi żmienha kienet showgirl mill-aqwa. X’ġiet tagħmel għand Leon? Li hu żgur hu li minn mindu tidħol hi fid-dar ta’ Leon kollox jinqaleb ta’ taħt fuq, anki l-karattri tan-nies jinbidlu.  X’għamlet u x’se tagħmel din Domenique biex tħalli daqshekk impatt? U fiex jidħol Benjaminu Costa? Hu bniedem reali jew fittizju?

Biex tkunu tafu kulma tridu tagħmlu hu li tattendu għal waħda mir-rappreżentazzjonijiet u fl-aħħar tkunu tafu kif se tinħall din il-kobba. U serrħu raskom li ma jiddispjaċikomx żgur li tkunu qtajtu l-biljett għal din il-kummiedja!

Il-booking issa jinsab miftuħ Online fuq ktrmalta.com kif ukoll fuq il-Hotline 99476468 u mill-Bar tal-Istitut Kattoliku, il-Furjana (99076107 u 22039508). Min jibbukkja Online jew iħallas bil-Mobile to Mobile u Revolut igawdi minn roħs ta’ 10% fuq kull biljett. Jekk minħabba l-Covid-19 titħassar din il-produzzjoni jingħataw il-flus lura tal-biljetti.

Dan il-proġett hu megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti.

Il-Booking Office tat-Teatru ta’ l-Istitut Kattoliku ikun miftuħ mit-Tlieta sal-Ġimgħa bejn l-4.30pm u 7.30pm.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com