“… Eżamijiet Nazzjonali Li Suppost Ikejlu L-Ħila U L-Livell Tat-Tfal” – Lelio Spiteri

 “… Eżamijiet Nazzjonali Li Suppost Ikejlu L-Ħila U L-Livell Tat-Tfal” – Lelio Spiteri

Ilbieraħ Lelio Spiteri kiteb fuq il-midja soċjali dwar l-andament tal-eżamijiet.

“Għada, l-istudenti tal-Year 6 jibdew l-eżamijiet tal-benchmark, eżamijiet nazzjonali li suppost ikejlu l-ħila u l-livell tat-tfal. Dwar dan il-punt hemm ħafna mistoqsijiet. Jekk nippriedkaw li l-istudenti huma differenti, kif tingħata l-istess karta lil kulħadd? Il-mentalita’ ta’ ‘one size fits all’ għadha tiddomina l-aġenda. Nippriedkaw mod u jsir mod ieħor. Is-sistema edukattiva ta’ pajjiżna għandha ħafna punti tajbin u pożittivi. Għamilna passi ta’ ġgant ‘il quddiem. Imbagħad qed niżolqu fin-niexef meta qed nesponu lil uliedna għall-eżamijiet sa mill-year 4.”

Spiteri saħaq li fil-primarja, l-eżamijiet mhux posthom u qal li jilħqu jagħmlu eżamijiet tinkwetawx.

“X’għaġġla hemm? Daħħalna l-assessjar kontinwu u aktar ma jgħaddi żmien aktar qed jindara. Allura l-eżamijiet fl-aħħar tas-sena x’hemm bżonnhom? Mank ħaqq l-istress, il-biża’ u l-ħin moħli ngħaddu l-past papers. Dak tagħlim! Meta minħabba l-Covid, l-eżamijiet ma sarux, x’ġara? Xejn affattu. L-istudenti mxew minn klassi għal oħra, minn skola għal oħra bil-marki tal-assessjar. Kollox mexa tajjeb mingħajr tensjoni u kummiedji. Li noħolqu stress f’uliedna minħabba l-eżamijiet jien din ma nistax għaliha, ma naċċettaha qatt.”

Spjega kif it-tagħlim għandu jkun esperjenza meraviljuża, mimlija attivitajiet li jinkludu l-qalb u l-moħħ, bl-iskop li jgħin fl-iżvilupp ħolistiku tal-persuna, proċess li jwieżen mhux ixekkel, jibni mhux ifarrak, jinkoraġġixxi mhux jaqta’ ‘l qalb.

Intom x’taħsbu dwar dan?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com