Il-Prim Ministru Robert Abela Jattendi Għal Laqgħa Speċjali Tal-Kunsill Ewropew

 Il-Prim Ministru Robert Abela Jattendi Għal Laqgħa Speċjali Tal-Kunsill Ewropew

Il-Prim Ministru Robert Abela pparteċipa f’laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew fi Brussell matul il-jiem tat-Tnejn u t-Tlieta. Il-mexxejja Ewropej iltaqgħu għal diskussjonijiet dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna u s-sanzjonijiet fuq ir-Russja, l-enerġija, is-sigurtà tal-ikel u d-difiża, fost oħrajn.

Id-diskussjoni dwar l-Ukrajna bdiet b’intervent mill-President Ukren Volodymyr Zelenskyy, li ffoka fuq is-sitwazzjoni umanitarja fl-Ukrajna u l-għajnuna meħtieġa għar-rikostruzzjoni tal-infrastruttura tal-pajjiż. L-UE għamlet impenn ċar f’dan ir-rigward, u l-mexxejja tennew l-appell tagħhom għall-waqfien mill-ġlied u l-paċi. Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li rridu nibqgħu nibagħtu sinjal ċar ta’ appoġġ lill-poplu Ukren f’dan iż-żmien diffiċli u qal li l-Gvern Malti jappoġġja l-idea ta’ aktar diskussjonijiet dwar ir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna flimkien ma’ msieħba internazzjonali.

Il-mexxejja ddiskutew ukoll is-sitt pakkett ta’ sanzjonijiet u qablu li sal-aħħar tal-2022 l-Unjoni Ewropea tkun waqqfet l-importazzjoni ta’ 90% taż-żejt Russu. Il-qbil jinkludi wkoll xi eżenzjonijiet temporanji għal xi pajjiżi, bħall-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Polonja u r-Repubblika Ċeka, li huma dipendenti fuq żejt Russu importat minn pipeline.

Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li, “Id-diskussjoni dwar is-sitt pakkett ta’ sanzjonijiet kienet waħda twila. Bħala pajjiż, qatt ma kellna oġġezzjoni fuq l-embargo ta’ żejt Russu. L-appell tagħna bħala pajjiż jibqa’ li nassiguraw sostenibbiltà għal dak li nagħmlu billi bħala Unjoni nimplimentaw dawn il-pakketti ta’ sanzjonijiet fit-totalità tagħhom. Malta se tibqa’ tiffoka fuq il-konettività tal-Gżejjer Maltin b’mod aktar sħiħ mal-infrastruttura tal-enerġija Ewropea, biex inkunu nistgħu nibbenefikaw mill-potenzjal sħiħ tas-suq Ewropew.”

Il-Kunsill Ewropew iddiskuta wkoll l-enerġija, il-prezzijiet tagħha, u l-proposta għal pjan fit-tul għas-settur preżentata mill-Kummissjoni Ewropea, imsejjaħ REPowerEU. L-għan ta’ dan il-pjan hu li jinċentiva u jgħin membri stati jiddiversifikaw il-provvista tal-enerġija tagħhom. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern Malti jikkunsidra dan il-pjan bħala wieħed interessanti għaliex jinkludi fost oħrajn proposti ġodda dwar kif jiġi sfruttat il-potenzjal ta’ enerġija ġejja mix-xemx. Spjega li l-għan tal-Gvern Malti jibqa’ li l-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu stabbli. Qal li dan hu dak li għamel il-Gvern matul il-pandemija, meta eskalat it-tensjoni fil-fruntiera tal-Ukrajna, u dak li għandu l-intenzjoni li jibqa’ jagħmel.

Barra minn hekk, il-Prim Ministru Abela spjega kif dan il-pjan qed jinkludi wkoll il-possibbiltà ta’ fondi addizzjonali Ewropej. Huwa qal li, “Id-diskussjoni importanti dwar dan il-pjan hija wkoll dik dwar il-possibbiltà ta’ fondi Ewropej addizzjonali biex jgħinuna nagħmlu t-tranżizzjonijiet neċessarji. Bħalma għamilna fil-passat, se nkunu qed ninsistu għas-sehem ġust ta’ Malta.”

Diskussjoni oħra fuq l-aġenda kienet dwar is-sigurtà tal-ikel, anka fid-dawl ta’ żieda ta’ pressjonijiet fuq il-prezzijiet tal-prodotti l-aktar bażiċi. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta, kif diġà għamlet bl-introduzzjoni ta’ skemi ta’ għajnuniet, se tkun qed tagħti aktar għajnuna diretta lill-bdiewa bis-saħħa tal-Politika Komuni Agrikola (CAP).

“Il-Gvern bħalissa għaddej f’diskussjonijiet fil-livell tekniku dwar il-CAP. Pjan li ġie sottomess wara konsultazzjoni pubblika. L-intenzjoni tagħna hi li nibqgħu nsostnu l-bdiewa tagħna kif għamilna bl-għajnuniet fuq qamħ u importazzjoni ta’ materja prima. Il-messaġġ tiegħi waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew kien dwar il-ħtieġa li dwar is-suġġett ninvestu, ngħinu u nikkoordinaw ma’ msieħba lil hinn mill-fruntieri tal-UE għaliex din mhijiex biss kwistjoni ta’ Unjoni jew ta’ Malta biss.”

Dr Abela tenna l-impenn tal-Gvern, ta’ aktar investiment fis-settur tal-ikel b’miżuri li jipproteġu aktar is-settur u joffru aktar taħriġ biex il-pajjiż ikollu nies b’aktar ħiliet f’dan il-qasam.

Matthew Pullicino

Insegwi b'mod attiv dak kollu li jkun qed jiġri, kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Naffaxina ruħi bl-istorja, arti u kultura li għandna f'pajjiżna u dak kollu li huwa Malti. Naħdem ħafna qrib għaqdiet volontarji fil-qasam kulturali u l-esperjenza tiegħi f'dan ix-xogħol nieħu pjaċir naqsamha ma' ħaddieħor.