“Ir-Regolament Propost Tal-UE Biex Jipprevjeni S-Sussidji Barranin Huwa Fundamentalment Difettuż” – Alfred Sant

 “Ir-Regolament Propost Tal-UE Biex Jipprevjeni S-Sussidji Barranin Huwa Fundamentalment Difettuż” – Alfred Sant

Fl-intervent tiegħu waqt votazzjoni tal-plenarja fil-Parlament Ewropew dwar regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sussidji barranin li jingħad li qed joħolqu distorsjoni fis-suq intern Ewropew, il-MPE Laburista u l-Kap tad-Delegazzjoni Maltija għall-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew Alfred Sant sostna li r-regolament huwa fundamentalment difettuż. Biex tibda, m’hemm l-ebda identifikazzjoni tal-impatt reali tas-sussidji barranin fuq is-suq intern, huwa saħaq. Sant kien ir-relatur tas-S&D dwar l-opinjoni li ħejja l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON) dwar ir-regolament.

Is-sussidji li bħalissa qed jingħataw mill-Istati Membri huma soġġetti għal kontrolli tal-għajnuna mill-istat. Madanakollu, m’hemm l-ebda strument tal-Unjoni Ewropea biex jikkontrolla s-sussidji mogħtija minn pajjiżi terzi. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposta għal regolament fil-5 ta’ Mejju 2021 maħsuba biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi fost il-kumpaniji kollha li joperaw fis-suq uniku, inkluż dawk li jiġu biex jinvestu u jagħmlu offerta għal kuntratti ta’ akkwist minn barra l-unjoni.

L-Ewroparlamentari Laburista Sant esprima tħassib li r-rotta preferibbli li jintlaħaq ftehim internazzjonali dwar ir-regoli tal-għajnuna mill-istat ġiet injorata. Minflok qed isir tentattiv biex jiġu imposti regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-istat fuq pajjiżi terzi. Dan jista’ jwassal għal ritaljazzjoni minnhom peress li jistgħu jqisu li l-politiki interni tal-Unjoni Ewropea nfushom jammontaw għal forma moħbija ta’ għajnuna mill-istat. Barra minn hekk, żieda fil-burokrazija li r-regolament il-ġdid x’aktarx iġib miegħu tiskoraġġixxi investiment ġdid fl-Unjoni Ewropea.

Fl-aħħar nett, il-kap tad-Delegazzjoni Maltija għall-Grupp tas-S&D fil-Parlament Ewropew sostna li l-Kummissjoni Ewropea estendiet il-firxa tagħha mhux ħażin fuq din il-kwistjoni. L-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ġew kważi kompletament imwarrba. Sadanittant, l-hekk imsejħa għodda “ex-officio” tagħti diskrezzjoni sħiħa lill-Kummissjoni Ewropea biex taġixxi kif u meta trid fuq kwalunkwe ftehim mingħajr ebda differenzi jew kontrolli u bilanċi fuq l-azzjonijiet tagħha.

Il-vot għadda b’627 vot favur, 8 kontra u 11-il astensjoni.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com