L-Impersonatur Ta’ Fama Mondjali Ennio Marchetto Fit-Teatru Manoel

 L-Impersonatur Ta’ Fama Mondjali Ennio Marchetto Fit-Teatru Manoel

Ennio Marchetto, l-impersonatur komiku li jinbidel minn karattru għall-ieħor b’ħeffa inkredibbli u magħruf mad-dinja kollha, dalwaqt se jagħti spettaklu eċċezzjonali ta’ darba biss fit-Teatru Manoel.

Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġwann Battista, dan l-avveniment qed jiġi ppreżentat mill-Eċċellenza Tiegħu l-Prinċep Augusto Ruffo ta’ Calabria, Ambaxxatur tal-Ordni Sovran ta’ Malta għar-Repubblika ta’ Malta, taħt il-patroċinju distint tal-Eċċellenza Tiegħu il-President ta’ Malta u s-Sinjura Vella. Id-dħul kollu minn dan l-avveniment se jmur għall-Malta Community Chest Fund Foundation.

“Għandi l-ogħla rispett u stima lejn l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet filantropiċi f’Malta, u wara li rajt b’għajnejja x-xogħol siewi bla qies li tagħmel il-Malta Community Chest Fund Foundation b’dedikazzjoni u bla heda, kien naturali għalija li nagħżel li noffri d-dħul b’risq il-Fondazzjoni,” spjega l-Eċċellenza Tiegħu, l-Ambaxxatur. “Il-fatt li qabbadna artist eċċezzjonali ta’ fama mondjali biex iwassal spettaklu li jappella għall-etajiet kollha hija wkoll opportunità sabiex noffru divertiment u rilassament tant meħtieġ wara t-toqol tal-pandemija. Kont bqajt msaħħar meta rajt lis-Sur Marchetto f’waħda mill-wirjiet tiegħu u ħsibt li jkun l-artist ideali biex jgħaqqad ‘l’utile al dilettevole’ kif jgħidu bit-Taljan – xi ħaġa immensament divertenti, vivaċi, vibranti u maħduma b’mod mill-isbaħ, u dan għal għan tassew meritevoli li niġbru fondi biex ngħinu lil bnedmin bħalna.”

“Magħruf bħala ‘the Living Paper Cartoon’, Ennio Marchetto huwa l-artist oriġinali li jinbidel minn karattru għall-ieħor b’ħeffa kbira, u li rebaħ bosta premjijiet għal xogħlu. Il-wirja divertenti u sfrenata tiegħu, b’direzzjoni u disinn tad-disinjatur tal-moda u l-kostumi Sosthen Hennekam u produzzjoni ta’ Terry Chegia, irrivoluzzjona l-arti tal-origami f’maġija teatrali li taqsmek bid-daħq. B’kostumi tal-karti ġenjali, imitazzjonijiet imqaxxra, u kull moviment f’waqtu sal-iċken sekonda – kollox assistit minn soundtrack eċitanti – Marchetto jittrasforma ruħu f’parodiji ta’ ikoni popolari mill-oqsma tal-mużika, films, opri tal-arti u mexxejja mondjali, minn Marilyn Monroe sal-Mona Lisa, u minn Eminem sar-Reġina tal-Ingilterra. Bl-imitazzjonijiet tiegħu, l-ebda ċelebrità ma tista’ jkollha moħħha mistrieħ!

Ennio Marchetto sar kult popolari wara s-suċċess li kiseb fil-Fringe Festival ta’ Edinburgu fl-1990 kif ukoll diversi tours, bil-biljetti jinħatfu, madwar ir-Renju Unit fosthom fil-West End ta’ Londra. In-nominazzjoni tiegħu għall-Premju Laurence Olivier għall-Aqwa Intratteniment fl-1994 wassal sabiex Granada Television jipproduċu dokumentarju ta’ siegħa dwar ħajtu u l-karriera tiegħu, bl-isem Celebrations, Paper Marilyn.

Marchetto ta wirjiet f’aktar minn 70 pajjiż madwar id-dinja, fosthom fl-ewwel European MTV Music Awards f’Berlin, flimkien ma’ The Spice Girls, Bryan Adams u artisti oħra quddiem l-Altezza Rjali Tiegħu l-Prinċep ta’ Wales fir-Royal Variety Performance, u fl-avveniment esklussiv ta’ Elton John White Tie and Tiara Ball. Ennio Marchetto: The Living Paper Cartoon se jagħti wirja fit-Teatru Manoel fit-18 ta’ Ġunju fis-7pm.

Skont il-linji gwida kurrenti b’rabta mas-saħħa pubblika, għal dan l-avveniment mhumiex meħtieġa maskri jew ċertifikati tal-vaċċin. Il-biljetti jistgħu jinkisbu permezz ta’ email lil [email protected], billi ċċempel fuq (+356) 21246389 jew inkella online minn www.teatrumanoel.mt.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com