“Minkejja Li Suppost Diġà Beda Jintuża L-Parkeġġ Fl-Iskola Tal-Qawra Għadu Vojt” – Il-MP Graziella Galea
“Ir-residenti jibqgħu mdendlin!”
Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Graziella Galea, ikkritikat lill-Gvern wara li ma ħadet l-ebda risposta lura wara domanda parlamentari li għamlet ilbieraħ dwar meta se jkun qed jinfetaħ il-parkeġġ tal-Iskola Primarja tal-Qawra.
Galea f’Jannar ta’ din is-sena kienet diġà saqsiet domanda parlamentari oħra dwar dan fejn kienet ġiet infurmata mill-Gvern li l-parkeġġ taħt l-Iskola Primarja tal-Qawra kellu jibda jintuża mill-pubbliku f’qasir żmien.
“F’domanda parlamentari oħra li kont għamilt ġejt infurmata li d-diskussjonijiet dwar l-użu tal-parkeġġ għadhom għaddejjin,” spjegat Graziella Galea, fejn sal-bieraħ f’domanda parlamentari oħra baqgħet mingħajr risposta.
“Tgħid ser jgħaddi sajf ieħor u dan il-parkeġġ jibqa’ ma jintużax mir-residenti? Nittama li le!” temmet tgħid Graziella Galea f’messaġġ li kitbet fuq il-mezzi soċjali tagħha.
Fil-parkeġġ ta’ din l-iskola hemm post għal madwar 400 karozza. Fl-aħħar ġimgħat diversi residenzi esperjenzaw ħsarat fil-karozzi tagħhom kawża ta’ vandaliżmu fiż-żona tal-Qawra u San Pawl il-Baħar, li sfortunatament kull ma jgħaddi dejjem qed jiżdied.