Nisa Laburisti Tilqa’ B’Sodisfazzjon Il-Bidliet Proposti Fil-Liġi Tal-IVF
Nisa Laburisti tilqa’ b’sodisfazzjon il-bidliet proposti fil-liġi tal-IVF, li se jwasslu biex aktar persuni jkollhom l-opportunitá li jsiru ġenituri.
Il-President tan-Nisa Laburisti Nikita Zammit Alamango sostniet li “l-infertilità m’għandiex uċuh u lanqas ġeneru, ma tafx irġiel u lanqas nisa. L-emendi ppubblikati huma ta’ benefiċċju għas-soċjetà kollha.”
Nisa Laburisti ilha voċifera favur emendi fil-liġi tal-IVF għaliex il-liġi tal-2012 ma kienitx tagħmel ġustizzja ma’ persuni bi sfidi ta’ infertilitá.
Fi stqarrija, ntqal li frott id-deċiżjonijiet meħuda minn Gvern Laburista, bejn l-2013 u l-2021, twieldu aktar minn 400 tarbija. “L-emendi li saru fl-2018 li għamlu l-liġi aktar moderna komplew iżidu l-opportunitá biex aktar persuni jsiru ġenituri, iżda fadal ir-realtajiet ta’ dawk li sal-lum huma kostretti li jħallsu u jsiefru barra biex ikollhom iċ-ċans li jsiru ġenitur/i. Matul dawn is-snin, Nisa Laburista baqgħet tisma’ mill-viċin dawn ir-realtajiet u għalhekk tilqa’ l-emendi ppubblikati llum għaliex se jolqtu b’mod pożittiv lil eluf ta’ persuni.”
Il-President tan-Nisa Laburisti sostniet li dawn il-bidliet kuraġġużi mhux biss jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-ġenerazzjoni preżenti iżda anke ta’ dawk futuri. “Emendi li se jagħmluha possibbli li anke uliedna jkollhom l-opportunitá sħiħa f’pajjiżna stess li jsiru ġenituri,” tenniet Alamango.
F’dan l-isfond, Nisa Laburisti tinnota b’mod pożittiv li din il-wegħda ewlenija tal-Partit Laburista, qegħda tinbidel minn proposta f’kisba fl-ewwel 100 jum minn meta l-Prim Ministru Robert Abela ngħata l-fiduċja.