Sewwieq Ta’ Mutur Isofri Ġrieħi Gravi Wara Ħabta Ma’ Vettura F’Għawdex
Sewwieq ta’ mutur ta’ 63 sena mix-Xagħra Għawdex, sofra ġrieħi gravi wara ħabta ma’ vettura.
L-aċċident seħħ aktar kmieni llum, għall-ħabta tal-9:40am, fi Triq it-Tessuti, ix-Xewkija.
Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li seħħet ħabta bejn mutur Yamaha 250, misjuq mill-vittma u Mistubishi Pajero, misjuqa minn raġel ta’ 66 sena residenti s-Sannat.
Is-sewwieq tal-mutur ingħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-Isptar Ġenerali t’Għawdex b’ambulanza u ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Simone Grech, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistu.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.