“Tajjeb Wieħed Jinforma Lilu Nnifsu U Ma Joħloqx Allarmi Bla Bżonn” – Malcolm Paul Agius Galea
Il-Membru Parlamentari t-Tabib Malcolm Paul Agius Galea spjega punti importanti u ta’ interess fuq il-midja soċjali tiegħu, biex il-pubbliku jinforma ruħu dwar il-‘monkey pox’ u ma jinħoloqx allarm bla bżonn.
Spjega hekk:
Il-monkeypox hija marda kkawżata minn virus li ġej minn l-istess familja tal-virus ta’ smallpox (marda li ġiet eradikata permezz ta’ vaċċin).
Din il-marda ilna nafu biha għal madwar 50 sena u tissejjaħ monkey pox għax l-ewwel ma ġiet innutata kien fi grupp ta’ xadini li kienu jintużaw għal riċerka. Però m’għanda x’taqsam xejn max-xadini!
Hija marda li taffettwa lil kulħadd u taf tkun ilha fuqek sa 14 il-ġurnata qabel ma jibdew l-ewwel sintomi. Matul dawn l-14 il-ġurnata bniedem bil-monkeypox ma jkunx infettiv (jiġifieri ma jistax jagħddiha lil ħaddieħor).
Tippreżenta b’għejja u deni flimkien ma’ glandoli minfuħin u wara joħroġ raxx li jiżviluppa f’bocci pjuttost imdaqqsin mimlijin likwidu. Huwa f’dan l-istadju li l-marda tkun infettiva! It-trattament huwa mmirat għal serħan mis-sintomi, iktar milli kura. Ir-raxx eventwalment jinxef u jifforma qoxra. Persuna tibqa infettiva sakemm tifforma l-aħħar qoxra fuq l-aħħar ponta. Hija tittieħed permezz ta’ kuntatt dirett mal-persuna nfettata jew kuntatt indirett bħal kuntatt ma’ likwidi li ġejjin minn persuna nfettata (anke xugamani jew lożor li ġew kuntatt mal-persuna nfettata).
Hija marda li s-sintomi tagħha jixbħu ħafna lil dawk tal-ġidri (chickenpox) però m’humiex l-istess! Id-differenza primarja hija li l-monkeypox tneffaħ il-glandoli filwaqt li chickenpox le.
F’każ ta’ sintomi li jistgħu jkunu ta’ monkeypox, fittex konferma medika u żomm lilek innifsek bogħod minn ħaddieħor ħalli tnaqqas mill-firxa tagħha. Hija ddum biex tagħddi kompletament bejn ġimgħatejn u 3 ġimgħat u s’issa jidher li ma tħallix xi mpatt fit-tul fuq il-ġisem.
“Għalkemm hawn ħafna nformazzjoni fuq din il-marda għaddejja fuq il-mezzi soċjali, tajjeb li wieħed jinforma lilu nnifsu sew u li ma jkunx hawn allarm żejjed”, temm jgħid it-Tabib Agius Galea.