Tnedija Tal-iSmall Initiatives Scheme Għall-Għaqdiet Volontarji B’Allokazzjoni Ta’ €120,000
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli nediet l-iSmall Initiatives Scheme (SIS) għall-għaqdiet volontarji b’allokazzjoni ta’ €120,000. Din l-iskema hija waħda mill-ħafna fondi li l-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju (MCVS) jamministra, li flimkien jammontaw għal €1.4 miljun.
Il-Ministru Farrugia Portelli rrimarkat kif din l-iskema se tkun qed tara żieda ta’ €20,000 fl-allokazzjoni finanzjarja mis-sena preċedenti – allokazzjoni rekord sa minn meta kienet varata din l-iskema ħdax-il sena ilu. Permezz ta’ din l-iskema, tul dawn il-ħdax-il sena bbenifikaw 350 għaqda volontarja. Din iċ-ċifra tfisser 350 proġett tanġibbli b’risq il-ġid komuni.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet kif sa minn meta bdiet din l-iskema, għexieren ta’ għaqdiet volontarji wettqu proġetti innovattivi b’mod tanġibbli li missew il-ħajja tan-nies b’mod pożittiv. Il-Ministru aċċennat kif skemi bħas-SIS u skemi oħrajn li l-gvern, flimkien mal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarji (MCVS) iniedi kull sena, huma rikonoxximent b’saħħtu lejn ix-xogħol li jsir mill-għaqdiet volontarji b’risq l-eluf ta’ benefiċċjarji.
Din l-iskema hija mmirata biex tinkoraġġixxi proġetti mill-għaqdiet volontarji f’oqsma bħal korsijiet ta’ taħriġ għall-voluntiera jew għall-pubbliku, avvenimenti kulturali u sportivi, pubblikazzjonijiet u proġetti oħrajn relatati mas-settur.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandolo qal li, bħala Kunsill, matul dawn l-aħħar snin, xpruna lis-settur sabiex jikber filwaqt li ra li jkollu l-apprezzament xieraq għal ħidmietu. Kompla jgħid li apparti l-apprezzament, huwa importanti li s-settur tal-volontarjat ikun imwieżen permezz ta’ fondi u għajnuniet sabiex ikun jista’ jkompli jsostni l-ħidma tiegħu fil-komunitajiet tagħna.
Id-Deputat Chairperson tal-MCVS Robert Farrugia qal li l-fondi li jmexxi l-Kunsill huma intiżi sabiex isostnu lis-settur tal-volontarjat fil-ħidma diversa tiegħu, speċjalment f’dawk l-oqsma fejn ma jeżistux fondi oħra sabiex isostnuhom.