“Erġajna Tlifna Okkażżjoni Li Nipproteġu L-Interess Nazzjonali Fl-Ewropa” – Peter Agius

 “Erġajna Tlifna Okkażżjoni Li Nipproteġu L-Interess Nazzjonali Fl-Ewropa” – Peter Agius

“Il-Gvern naqas li jħalli impatt fit-tfassil ta’ regoli ġodda tal-UE dwar l-avjazzjoni li b’hekk se jpoġġu piż sproporzjonat fuq Malta minħabba ż-żieda fl-ispejjeż tal-fjuwil. Dan huwa każ ieħor fejn il-Gvern Malti qed jonqos milli jadatta l-proposti biex jindirizzaw is-sitwazzjoni speċifika tagħna ta’ insularità u dipendenza fuq it-trasport bl-ajru”. L-espert dwar l-UE u l-kelliem ewlieni tal-PN, Peter Agius, irrimarka dan fid-dawl tal-eżitu tal-Kunsill Ewropew tal-Ministri għat-Trasport fi Brussell dwar ir-regoli l-ġodda dwar il-fjuwil li jintuża mis-settur tal-avjazzjoni.

Dr Agius qal li r-regoli proposti jpoġġu piż sproporzjonat fuq Malta bħala Stat Membru gżira minħabba d-dipendenza tal-gżejjer fuq it-traffiku tal-ajru. Agius irrimarka li 98% tat-turisti li jżuru Malta jaslu permezz tat-trasport bl-ajru. “L-ekonomija tagħna tiddependi kważi esklussivament fuq it-trasport bl-ajru. Aħna ma għandniex l-istess aċċess għan-networks tal-ferrovija u tat-toroq bħall-Ġermanja u l-Polonja. Ir-regoli tal-UE għandhom iqisu din ir-realtà billi jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi għat-territorji gżejjer. Dan huwa każ ieħor fejn Brussell qed tipproponi approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” għal-leġiżlazzjoni kollha u l-Gvern Malti qed jonqos milli jargumenta favur Malta għal politiki li jindirizzaw is-sitwazzjoni speċifika tagħna. Bir-regoli kif proposti, l-ekonomija tagħna se tara l-ispiża tal-insularità tkompli tiżdied”, sostna Dr Agius.

“Biex iżidu l-melħ fuq il-ferità, ir-regoli proposti li preżumibbilment aċċetta l-gvern Malti jirrikonoxxu l-impatt addizzjonali fuq il-gżejjer, iżda jonqsu milli jieħdu azzjoni jew jinkludu mekkaniżmu korrettiv, u din il-kwistjoni tħalliet biex tiġi indirizzata f’rapport li għandu jsir fi żmien ħames snin”, irrimarka Peter Agius.

“Il-Ministri fi Brussell talbu lill-Kummissjoni tippreżenta rapport dettaljat dwar il-valutazzjoni tal-impatt tar-regoli l-ġodda fuq il-konnettività tal-gżejjer fl-2027. Dan se jkun tard wisq biex jiġi evitat l-impatt fl-2027! Jeħtieġ li ninkludu salvagwardji għall-ekonomija Maltija qabel ma naddottaw ir-regoli tal-UE u mhux wara l-adozzjoni tagħhom!”, enfasizza Agius.

Skont sorsi tal-industrija, il-leġiżlazzjoni l-ġdida se tirriżulta f’żieda fl-ispejjeż tal-fjuwil sa sitt darbiet aktar mis-sitwazzjoni attwali. L-impatt jista’ ma jkunx limitat għat-trasport tal-passiġġieri, peress li skont ċifri tal-2019, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ipproċċessa total ta’ 16,425 tunnellata ta’ merkanzija.

Agius enfasizza wkoll l-impatt fuq l-impjiegi fl-industrija tal-avjazzjoni. “Minbarra l-preġudizzju ġenerali fir-rigward tal-ekonomija tagħna, għandna nqisu wkoll li l-industrija tal-avjazzjoni Maltija timpjega 4,000 professjonist li se jaraw il-kompetittività tagħna f’din in-niċċa tonqos ukoll”, insista Peter Agius.

https://nso.gov.mt/en/nso/Media/Salient-Points-of-Publications/Pages/2021/Transport-Statistics-2020.aspx
https://www.mta.com.mt/en/file.aspx?f=32328

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com