“Il-Koperattivi F’Pajjiżna Jixirqilhom Attenzjoni U Sostenn Bis-Serjetá” – Il-PN

 “Il-Koperattivi F’Pajjiżna Jixirqilhom Attenzjoni U Sostenn Bis-Serjetá” – Il-PN

Il-Partit Nazzjonalista ser ikun qed jirsisti sabiex il-Koperattivi f’pajjiżna jingħataw l-attenzjoni u s-sostenn li jixirqilhom mill-Gvern ħalli jkomplu jissaħħu. Dan intqal fi stqarrija ffirmata minn Robert Cutajar, Kelliem għas-Self Employed,  Intrapriżi ż-Żgħar u l-Koperattivi.

F’laqgħa li saret ma’ John Mallia u Sandro Chircop, President u membru tal-kunsill fi ħdan il-Malta Co-Operative Federation, ġie spjegat kif l-Oppożizzjoni tirrikonoxxi sehem l-istess koperattivi fl-ekonomija ta’ pajjiżna fejn madwar 3,000 persuna huma parti minn dawn il-koperattivi u qed jikkontribwixxu f’setturi varji. Dan bla dubju huwa xhieda fih innisfu li dan il-qasam huwa pilastru importanti tal-ekonomija ta’ pajjiżna. 

“L-impenn tagħna fix-xhur u s-snin li ġejjin  huwa li nixprunaw aktar diskussjoni sabiex filwaqt li jitwassal aktar għarfien u edukazzjoni dwar il-kontribut u l-importanza tal-koperattivi f’pajjiżna, fl-istess waqt naraw li l-legiżlazzjoni eżistenti tkun aġġornata għaż-żminijiet tal-lum. Irridu naraw li noħolqu l-aqwa ambjent biex l-istess koperattivi ikomplu jikbru u jiddiversifikaw l-operat tagħhom.

L-Oppożizzjoni temmen li l-aqwa riżultati għall-qasam tal-koperattivi jinkisbu meta npoġġu madwar mejda ma’ dawk kollha li jikkontribwixxu f’dan il-qasam u jkollna serje ta’ laqgħat u proċess ta’ konsultazzjoni serju u effettiv.” Hekk intemmet tgħid din l-istqarrija.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com